Lokali Qorti

Mixli b’serq minn confectionary u li offenda uffiċjali tal-Pulizija

Żagħżugħ ta’ 22 sena residenti Ħaż-Żabbar, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia akkużat b’serq, li qal kliem mhux xieraq lill-uffiċjal tal-pulizija u li kiser kundizzjonijiet tal-Qorti. L-akkużat huwa Anwar Elnily fejn fuq il-każ l-Ispettur Gabriel Kitcher spjega li fis-26 ta’ Ġunju, daħal rapport dwar serq ta’ €350 minn vann ta’ confectionary u li minn filmati ta’ camera tas-sigurtà, ġie identifikat l-akkużat.

Allegatament dan ir-reat seħħ għall-ħabta tal-5.15am. L-ispettur tenna li minbarra l-flus, l-akkużat seraq ukoll mobile valur ta’ €700 u mar bih u bil-flus id-dar li tinsab maġenb il-confectionary, iżda wara ftit reġa’ bdielu u niżel ippoġġi lura l-mobile fil-vann Ford Transit minn fejn kien serqu. Kompla jgħid li waqt li l-akkużat, kien arrestat id-depot, insulenta tliet kuntistabbli tal-pulizjia u surġent.

Fil-Qorti, Elnily, wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-avukat Mario Caruana talab li jingħata l-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha. Dan ukoll fid-dawl tal-fatt li l-akkużat ġie mixli wkoll li naqas li jħares il-kundizzjonijiet impost fuqu mill-Maġistrat Doreen Calrke – illum Imħallef,

Il-Maġistrat Farrugia ċaħdet it-talba minħabba n-natura tal-akkużi, li l-akkużat għandu dipendenza fuq id-droga u għalhekk hemm il-biża li jikkometti reat ieħor u minħabba l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi. Il-Qorti ordnat li jinħatar uffiċjal tal-probation biex isegwi lill-akkużat.