Lokali Qorti

Multa wara li hedded u weġġa’ ħafif spettur u tliet kuntistabbli

Żagħżugħ Ingliż ta’ 21 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ġie mmultat €800 mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wara li ammetta li fi Frar li għadda għajjar, hedded u weġġa’ ħafif spettur u tliet kunstistabbli tal-pulizija fil-Mosta.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn it-8 u d-9 ta’ Frar bl-akkużat jammetti wkoll li dakinhar għamel ħsara f’tieqa tal-perspex fil-lock-up tal-pulizija, li m’obdhiex l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija u li kiser il-paċi pubblika.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ikkunsidrat il-fatt li l-akkużat kellu trobbija diffiċli, li għandu kundizzjoni mentali tant li ddaħħal kemm-il darba l-Isptar Monte Carmeli għall-kura u ħareġ ukoll li huwa maħkum mill-vizzju tax-xorb u d-droga.

Punt pożittiv huwa li l-ħati qed ikun ta’ sapport għan-nanniet tiegħu u li miexi fid-direzzjoni it-tajba għax qed jattendi regolarment il-Caritas biex jegħleb il-vizzji li għandu. Minbarra multa, il-Qorti ħarġet ordni ta’ probation u ta’ trattament għal tliet snin fil-konfront tal-akkużat. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.