Negozjant li flimkien ma’ waħda mill-impjegati tiegħu li f’April ġew akkużati fuq frodi tal-VAT b’aktar minn €62 miljun u li l-każ tagħhom se jkompli x-xahar id-dieħel ingħata il-ħelsien mill-arrest hekk kif il-każ kontrihom se jkompli.
Martin Farrugia ta’ 45 sena mir-Rabat u Henriette Cassar ta’ 49 sena jinsabu akkużati bi frodi u ħasil ta’ flus b’rabta ma’ ‘l hekk imsejjaħ karusel tal-VAT ta’ €62 miljun. Ir-reati huma allegati li seħħew bejn l-2012 u l-2019 u kienu jinvolvu lill-kumpaniji NCCF, MAM Construction LTD u MWF Construction Ltd.
Farrugia, li huwa bennej reġistrat u Cassar, skrivana li taħdem fil-kumpaniji ta’ Farrugia, qed jiċħdu l-akkużi miġjubin kontrihom. F’digriet li ngħata, l-Maġistrat Leonard Caruana ta lil Farrugia l-libertà proviżorja, garantita b’depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €60,000.
Il-kundizzjonijiet ta’ pleġġ tiegħu jistipulaw ukoll li għandu jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija u josserva curfew, kif ukoll li jgħaddi l-passaport u l-karta tal-identità tiegħu lill-qorti. Il-ħelsien mill-arrest ta’ Farrugia wasal kważi sitt ġimgħat wara dik tal-ko-akkużata tiegħu,
Cassar kienet ingħatat l-ħelsien mill-arrest fil-15 ta’ Mejju, fuq depożitu ta’ €10,000, kif ukoll garanzija personali ta’ €50,000. Fis-seduti preċedenti, il-qorti kienet semgħet kif id-Dipartiment tal-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji (FCID) tal-pulizija kien innota diskrepanzi kbar bejn l-ammonti li qed jiġu ddikjarati lid-dipartiment tal-VAT.
Il-prosekuzzjoni qalet li kien hemm €27 miljun f’bejgħ mhux iddikjarat minn waħda mill-kumpaniji, b’€2.8 miljun oħra mhux iddikjarati mid-dħul ta’ kumpanija oħra. Lista twila ta’ individwi u kumpaniji oħra kienu involuti jew affettwati mill-allegata frodi permezz ta’ ħlas għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u bejgħ ta’ makkinarju, ingħad lill-Qorti, b’uħud mill-individwi u entitajiet inkwistjoni għadhom qed jiġu investigati.
Waqt is-seduti kien ħareġ ukoll li Farrugia kien kollettur ta’ qtates kbar u annimali eżotiċi, li kellu seba’ iljuni, tmien pumas, żewġ leopardi, 14-il żiemel u numru ta’ żebri li kien jospita f’żewġ propjetajiet rurali fis-Siġġiewi u r-Rabat.
Il-pulizija kienet qabdet numru xokkanti ta’ karozzi lussużi, li kienet tinkludi Ferrari, żewġ Lamborghinis, żewġ Porsche, Maserati, tliet karozzi Mercedes u żewġ Land Rovers, fi proprjetajiet tal-akkużati.
Il-każ ikompli f’Lulju.
L-Avukat Abigail Caruana Vella qed tmexxi l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispettur tal-pulizija Joseph Xerri. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jassistu lil Henriette Cassar, filwaqt li l-avukati Etienne Borg Ferranti u Dominic Micallef huma avukati difensuri ta’ Martin Farrugia.
L-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Rebecca Mercieca qed jirrappreżentaw grupp ta’ allegati vittmi, bl-avukat Stefano Filletti jirrappreżenta lill-vittmi l-oħra.
//= $special ?>