Lokali Qorti

Psikjatra jixhed bil-magħluq fuq materji personali tar-raġel akkużat bil-qtil ta’ Pelin Kaya

Meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Jeremie Camilleri ta’ 33 sena kontra Jeremie Camilleri, Franċiż-Alġerin residenti Ħal-Lija ta’ 33 sena, li jinsab akkużat bl-omiċidju volontarju ta’ Pelin Kaya ta’ 30 sena mit-Turkija. 

Xehed il-psikjatra Nigel Camilleri iżda l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li x-xhieda tiegħu li se titratta dwar materji privati tal-akkużat dwar l-istat ta’ saħħa mentali tal-akkużat, ma tiġix irrapportata u ppubblikata bl-ebda mod u tordna li jiġi projbit għall-kollox pubblikazzjoni ta’ dawn ix-xhieda.

Sadanittant kif kien diġa’ ħareġ f’seduta preċedenti, ġrieħi li ġarrbet il-vittma Pelin Kaya, meta BMW li kienet għaddejja b’veloċità qawwija misjuqa minn Jeremy Camilleri daħlet ġo fiha waqt li kienet miexja fi triq tal-Gżira, urew li l-vittma ntlaqtet minn wara. Il-vittma kellha wkoll diversi tbenġil. Il-ġrieħi ġew deskritti fil-qosor mit-tabib forensiku Edward Cherubino.

Xehdet ukoll fil-qosor Fiona Brincat, il-mara li allegatament qalgħet daqqa fuq rasha mingħand Camillieri. Brincat ippreżentat ċertifikat mediku dwar il-ġrieħi li ġarrbet kif ukoll xi ritratti tal-ġrieħi li ġarrbet. Ir-ritratti ttieħdu meta Brincat marret tagħmel rapport l-għassa.

Dan seħħ wara talba tad-difiża li kienet milqugħa mill-Qorti. Camilleri kien kien qed isuq il-karozza BMW X5 ta’ ommu meta saqa’ fuq Pelin Kaya ta’ 30 sena, waqt li din kienet miexja fi Triq Testaferrata fil-Gżira fis-1:00am tat-18 ta’ Jannar 2023 Il-qtil seħħ meta l-vittma ttajret mill-karozza li kien qed isuq l-akkużat ħdejn stabbiliment tal-ikel.

Waqt il-kumpilazzjoni tiegħu, fil-Qorti diġa’ ntqal li dan ma kienx sempliċi nċident tat-traffiku iżda omiċidju volontarju. B’kollox Camilleri qed jiġi mixli b’14-il akkuża fosthom li kkaġuna feriti gravi fil-konfront tal-vittma, li kkaġuna ħsara fil-ġisem tagħha, kkaġuna feriti ħfief  fuq  persuni oħra, li għamel ħsara f’pompa tal-petrol, saq karozza b’mod perikoluż f’post pubbliku meta kien taħt l-effett tad-droga u xorb alkoħoliku.

Qed jiġi mixli wkoll li attakka uffiċjali pubbliċi bi vjolenza,ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina u s-sustanza Diazepam u li kiser ordni ta’ probation. Il-Prosekuturi minn naħa tal-Avukat Ġenerali huma l-Avukati Kaylie Bonett u Nathaniel Falzon. Il-Prosekuzzjoni minn naħa tal-Pulizija qed titmexxa mill-Ispetturi Kurt Zahra u Shamus Woods 

Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Alfred Abela. L-Avukati Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Ramona Attard deheru bħala parte civile għan-nom tal-familjari tal-vittma. Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar il-Ħamis 6 ta’ Lulju fil-11am.