Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut fi splużjoni li seħħet f’każin f’Ħal Balzan kawża ta’ splussiv pirotekniku. L-isplużjoni seħħet ilbieraħ għall-ħabta tad-9 pm fil-każin tal-banda San Gabriel f’Ħal Balzan li jinsab fi Triq il-Kbira.
Il-pulizija marret mill-ewwel fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta’ 43 sena residenti Ħal Balzan stess, weġġa’ wara li kien sploda splussiv pirotekniku.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku, membri tal-Protezzjoni Ċivili u membri tal-Explosive Ordnance
Disposal biex jiġi żgurat li jitneħħa kull periklu li seta’ kien hemm u tingħata l-assistenza medika lir-raġel.
Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
Intant f’post fuq il-media soċjali, il-każin avża li minħabba dan l-inċident, għalissa se jkun magħluq filwaqt li l-attività li kellha ssir illejla ġiet kanċellata.
//= $special ?>