Futbol Sport

Sheikh Jassim Bin Hamad Al Thani jibqa’ l-favorit li jixtri lill-Manchester United

(Ritratt: EPA)

Is-sidien ta’ Manchester United, il-familja Glazer, qed jiżnu offerti għall-klabb mill-bankier Qatari Sheikh Jassim Bin Hamad Al Thani u l-biljunarju Ingliż Jim Ratcliffe, il-fundatur tad-ditta tal-kimiċi Ineos.

Il-Glazers l-ewwel indikaw li jistgħu jbiegħu billi jibdew reviżjoni strateġika f’Novembru, iżda l-proċess tal-offerti kompla. Rapporti ssuġġerew li l-offerta ta’ Sheikh Jassim, li hija għal 100 fil-mija tal-klabb, issa hija l-aktar probabbli li tiġi aċċettata. Sorsi qrib l-offerta mill-Qatar indikaw il-ħerqa tagħhom biex jagħlqu l-ftehim u fl-istess waqt bil-ħsieb fuq it-trasferimenti tas-sajf.

Numru ta’ partitarji għamlu protesti ġodda kontra l-Glazers f’Old Trafford fil-mument li l-klabb nieda l-kit uffiċjali tiegħu għall-istaġun 2023-24. L-estimi tad-dħul għas-sena finanzjarja kurrenti żdiedet għal ċifra ta’ madwar £735 miljun fir-rapporti finanzjarji tat-tielet kwart għall-perjodu li ntemm fil-31 ta’ Marzu, 2023. Il-klabb daħħal dħul rekord ta’ aktar minn £645 miljun fl-2018/19.

Iċ-ċifri attwali huma riżultat minn attendenzi rekord tal-partiti u d-dħul kummercjali. Il-bejgħ tal-biljetti għall-istaġun 2022/23 qabeż ir-rekord preċedenti stabbilit fl-2016/17, b’2.4 miljun biljett mibjugħ. Din is-sena kien hemm żieda ta’ 11 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.