Lokali

Tnedija tal-pjattaforma Traduzzjoni.mt

Malta qed tniedi u tintroduċi l-pjattaforma ‘traduzzjoni.mt’, servizz ta’ traduzzjoni awtomatika bejn l-Ingliż u l-Malti li joffri wkoll aċċess għas-servizz eTranslation tal-Kummissjoni Ewropea, minn u lejn il-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-pjattaforma ‘traduzzjoni.mt’ hija lokalizzata fuq l-infrastruttura tal-amministrazzjoni pubblika Maltija u tipprovdi sigurtà u kunfidenzjalità għat-traduzzjoni ta’ testi kif ukoll ta’ dokumenti.

Il-pjattaforma ser tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha kif ukoll għall-użu tal-amministrazzjoni pubblika għal traduzzjonijiet sikuri u ta’ kwalità għal kulħadd.

‘traduzzjoni.mt’ hija maħsuba primarjament bħala għodda sabiex taqdi l-ħtiġijiet lingwistiċi tal-amministrazzjoni pubblika Maltija. Għal dan il-għan is-sistema ġiet mħarrġa fuq dejta tal-amministrazzjoni pubblika, bħal-Liġijiet ta’ Malta u dejta oħra bħall-‘Korpus Malti’ li huwa miżmum u kkurat mill-Università ta’ Malta.

Is-sistema tintegra wkoll l-eTranslation, il-pjattaforma tat-traduzzjoni żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea, li tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-utent memorji speċjalizzati bħalma hija dik tas-Saħħa Pubblika, il-lingwaġġ formali Ewropew u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropeja. Għaldaqstant, il-pjattforma ġdida ‘traduzzjoni.mt’ tiġbor fiha tiżwieqa ta’ sorsi lingwistiċi kemm domestiċi kif ukoll Ewropej, għal riżultati ta’ traduzzjoni dejjem aktar irfinuti.

Minbarra s-sistema tat-‘twieqi’, jiġifieri li wieħed idaħħal test fuq ix-xellug, li jiġi tradott b’mod awtomatiku lejn il-lingwa tal-għażla tiegħu fuq il-lemin, il-pjattaforma l-ġdida toffri wkoll il-possibbiltà li wieħed jehmeż dokument sħiħ f’diversi formati, liema dokument jiġi tradott fi ftit ħin lejn il-lingwa tal-għażla tiegħu, filwaqt li jinżamm il-format tad-dokument mehmuż u t-tqassim tad-dokument f’paragrafi eċċ.

traduzzjoni.mt’ ser tkun disponibbli għall-użu ġenerali tal-pubbliku mingħajr ħlas. Nemmnu bi sħiħ f’teknoloġiji li huma inklussivi u li għalihom għandu jkollu aċċess kulħadd. Il-ħsieb huwa wkoll li jiġi inkoraġġut aktar l-użu tal-Malti f’ambjenti diġitali, peress li lingwi ċkejkna (lingwi mitkellma minn numru limitat ta’ nies), huma fir-risjku tal-‘estinzjoni diġitali’, jiġifieri li dawn il-lingwi jinħonqu mil-lingwi dominant bħall-Ingliż, u jgħibu kważi għal kollox minn dawn l-ambjenti.

Karatteristiċi oħra tal-pjattaforma ‘traduzzjoni.mt’:-

  • Is-sistema tiffunzjona abbażi tat-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali (AI);
  • Tista’ tiġi integrata f’servizzi diġitali eżistenti (pereżempju s-siti elettroniċi tal-Gvern) permezz ta’ API, sabiex trendi l-istess servizzi multilingwi;
  • Is-sistema nnifisha ser isservi bħala repożitorju għad-dejta lingwistika prodotta mill-amminitrazzjoni pubblika Maltija, li hija riżorsa ferm importanti sabiex is-sistema tkompli tiġi mħarrġa u msaħħa;
  • Sigurtà u kunfidenzjalità: bl-użu ta’ għodod internazzjonali tat-traduzzjoni awtomatika, il-livell tas-sigurtà huwa baxx u l-kontenut tradott jista’ jinżamm f’servers barranin. Fil-każ ta’ ‘traduzzjoni.mt’, il-kontenut użat għat-traduzzjonijiet mhux ser jinżamm filwaqt li l-pjattaforma hija lokalizzata fuq servers tal-MITA.

Din hija l-ewwel verżjoni tas-sistema ‘traduzzjoni.mt’. Verżjonijiet sussegwenti huma maħsuba li jkollhom ukoll database tat-terminoloġija li jkun jista’, fost oħrajn, jassisti fl-użu konsistenti tat-terminoloġija fl-abbozzar ta’ dokumenti fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika Maltija.

‘traduzzjoni.mt’ ġiet żviluppata permezz tal-proġett “Pjattaftoma Nazzjonali għat-Teknoloġiji tal-Lingwa”, li fih ipparteċipaw 9 entitajiet mill-oqsma industrijali, akkademiċi u pubbliċi, minn 5 pajjiżi Ewropej: Malta, il-Latvja, l-Estonja, l-Iżlanda u l-Kroazja.  

L-entitajiet Maltin li pparteċipaw fil-proġett għall-iżvilupp tal-pjattaforma ‘traduzzjoni.mt’ huma l- MITA, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u l-Università ta’ Malta u l-proġett ġie kkordinat minn Tilde, kumpanija Latvjana li offriet ukoll is-sostenn tagħha tekniku għall-iżvilupp tal-pjattaforma.

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, bħala l-Ministeru responsabbli għal-lingwa Maltija, ser ikun qiegħed jaċċerta l-kontinwità u s-sostenibilità tal-proġett.

Il-proġett “Pjattaftoma Nazzjonali għat-Teknoloġiji tal-Lingwa” ġie żviluppat bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea (INEA/CEF/ICT/A2020/2278398; Nru tal-Azzjoni: 2020-EU-IA-0082).

Għal aktar informazzjoni dwar il-proġettżur: https://www.nltp-info.eu/