Internazzjonali

Xatt tal-Punent: Iżrael ikompli jisfida fuq l-issue tar-residenzi

L-Istati Uniti tinsab inkwetata dwar il-pjan tal-Gvern Iżraeljan biex jinbnew viċin is-6,000 residenza addizzjonali għal-Lhud fix-Xatt tal-Punent okkupat.

Dan meta Iżrael jidher li qed jisfida direttament lill-Istati Uniti li, min-naħa tagħha, qed toġġezzjona għall-espansjoni tar-residenzi peress li din għandha sservi bħala ostakolu għall-paċi mal-Palestinjani.

Kelliema għall-Gvern Amerikan qalu li l-awtoritajiet f’Washington qed isegwu l-iżviluppi anki waqt li jkomplu bil-pressjoni fuq Iżrael biex ‘ma jaggravax it-tensjoni’ f’dik il-parti tal-Lvant Nofsani.

Ftit tal-jiem ilu kienu nqatlu erba’ residenti Lhud mill-Palestinjani, b’dan il-qtil jirriżulta f’diversi jiem ta’ vjolenza fix-Xatt tal-Punent.

Fil-fatt, il-vjolenza bejn l-Iżraeljani u l-palestinjani qed tidher li rrankat mindu Benjamin Netanyahu, is-sena l-oħra, reġa’ kien elett Prim Ministru ta’ Iżrael.

Il-koalizzjoni mmexxija minn Netanyahu impenjat ruħha biex testendi l-preżenza tal-Lhud fix-Xatt tal-Punent fejn fl-aħħar xhur kien hemm diġà żieda sinifikanti ta’ residenzi li komplew inaqqru mill-ispazju għall-Palestinjani.