Lokali

“Daqqa ta’ ħarta oħra għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika” – PN

F’laqgħa tal-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Gvern inqeda bl-Ispeaker biex ikompli għaddej bil-kultura ta’ impunità.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-membri tal-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Mark Anthony Sammut u Ryan Callus f’isem il-Partit Nazzjonalista.

F’Ġunju 2022, l-eks Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler kien ippubblika rapport dwar is-suppliment li kien ippubblikat fil-gazzetta tal-Labour f’Jannar ta’ dik is-sena, fl-okkażjoni tas-sentejn ta’ Robert Abela fit-tmexxija tal-partit. F’dan ir-rapport il-Kummissarju kien sab li 18-il Ministru li kienu pparteċipaw f’dan is-suppliment kienu kisru 4 artikli mill-Kodiċi tal-Etika Ministerjali meta nefqu €16,700 mill-fondi pubbliċi għal skop manifestament partiġġjan, filwaqt li kien irrakkomanda li dawn il-fondi jitħallsu lura.

Fil-vot dwar l-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kumitat ġie b’żewġ voti kontra tnejn, bil-membri tal-Gvern fil-Kumitat jivvotaw kontra l-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, bid-deċiżjoni allura taqa’ f’ħoġor l-Ispeaker. Meta kien sar rapport simili dwar nefqa ta’ €7,000 f’reklamar mill-eks Ministru Carmelo Abela, dakinhar l-Ispeaker kien astjena bl-iskuża li ma kienx hemm linjigwida li jiggwidaw lill-Ministri dwar kif għandu jsir ir-reklamar.

Issa, l-Ispeaker għażel li jivvota kontra l-adozzjoni ta’ dan ir-rapport bl-iskuża li l-linjigwida, li llum jeżistu u li jirreferi għalihom il-Kummissarju fir-rapport, mhumiex parti mil-Liġi. B’dan ir-raġunar, il-Kodiċi tal-Etika Ministerjali li hemm anness fil-Liġi llum sar irrelevanti u mhux sanzjonabbli minħabba li hu impossibbli li jkun hemm linjigwida fuq kull azzjoni li jista’ jagħmel Ministru, aħseb u ara kemm dawn jistgħu jkunu kollha parti mil-Liġi.

L-Ispeaker ipprova jiġġustifika wkoll id-deċiżjoni tiegħu billi kkwota l-prassi tal-casting vote fil-Kamra tar-Rappreżentanti, fejn l-Ispeaker normalment jivvota biex, fejn hu possibbli, titkompla d-diskussjoni jew biex ma titteħidx deċiżjoni sakemm ma jkunx hemm l-appoġġ tal-maġġoranza.

B’din il-motivazzjoni, li mhix intiża li tapplika għal dan il-Kumitat, l-Ispeaker qiegħed jgħid bil-quddiem li f’dawn il-każi se jkun qed jivvota dejjem kontra l-adozzjoni ta’ dawn ir-rapporti. Dan ikompli jikkonferma kemm hu kruċjali li l-proposta li kien għamel il-Partit Nazzjonalista, anke bil-Private Members Bill biex il-Kumitat għall-Istandards ma jibqax jitmexxa mill-Ispeaker u jkollu fih ukoll nies minn barra l-Parlament, tiġi fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr.

B’dak li ġara lbieraħ, ingħatat daqqa ta’ ħarta lill-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Kodiċi tal-Etika Ministerjali ġie ma jiswa xejn u l-Gvern kompla juri li ma tgħallem xejn, filwaqt li l-kultura ta’ impunità għadha tirrenja.