Il-belt ta’ Pariġi għaddejja minn tielet lejla ta’ vjolenza waqt li l-folol qed ikomplu bl-irvellijiet relatati mal-qtil tal-adolexxenti f’Nanterre , is-sobborg tal-kapitali, fejn il-vittma spiċċa jaqla tir ta’ arma mingħand uffiċjal tal-pulizija wara li ma obdiex direttiva biex jieqaf bil-karozza.
Intant, għadha kemm ingħatat il-konferma li l-pulizija responsabbli — li ilu jinżamm taħt arrest mit-Tlieta bil-lejl — tressqulu akkużi dwar omiċidju volontarju.
Dan ukoll meta ma jidhirx li l-belt ta’ Pariġi – u bliet Franċiżi oħra – għandhom jgħaddu minn lejl kwiet minħabba li n-nies iridu jkomplu jisfugaw ir-rabja dwar il-qtil taż-żgħażugħ Franċiż-Alġerin…Azzjoni li huma jqisuha bħala ‘waħda brutali u bla bżonn fiċ-ċirkustanzi’.
L-istat tal-anarkija attwali hu ħmar il-lejl għall-President Franċiż Emmanuel Macron li qed jiffaċċja numru ta’ problemi domestiċi u li fl-aħħar sigħat appella b’mod iddisprat għall-kalma u rispett għall-bwon ordni.
Il-qtil taż-żgħażugħ Nahel M, intant, qanqal sensiela ta’ dimostrazzjonijiet karatterizzati bi vjolenza, ġlied bejn il-folol tan-nies u l-pulizija u l-ħruq tal-bini u għexieren ta’ karozzi.
U għalkemm il-Gvern Franċiż, issa, immobilizza eluf ta’ pulizija addizzjonali biex jevitaw inċidenti simili għall-aħħar żewġ iljieli, kolloex qed jindika li l-belt ta’ Pariġi u bnadi oħra jridu jgħaddu minn aktar sigħat ta’ kaos, biża’ u tensjoin.
Dan ukoll meta s-servizzi tat-tram u l-karozzi tal-linja f’Pariġi u l-madwar għandhom jieqfu dalwaqt bħala miżura ta’ sigurtà. Fil-fatt, il-mezzi tat-trasport pubbliku wkoll sfaw mira ta’ vjolenza u vandaliżmu fuq skala kbira fiż-żmien kollu li ilhom il-protesti dwar il-qtil ta’ Nahel M.
Aktar kmieni llum, eluf ta’ nies attendew għal hekk-imsejjaħ ‘marċ għall-ġustizzja’ f’Nanterre u li mexxiet l-omm tal-adolexxenti maqtul. Hawnhekk ukoll inqalgħu l-inċidenti vjolenti, fost il-ħruq ta’ aktar karozzi u fost rapporti dwar diversi pulizija midruba.
Kollox ma kollox jidher li dan se jkun lejl twil ieħor għall-pulizija u l-awtoritajiet Franċiżi għaz-zamma tas-sigurtà – bil-Prim Ministru ta’ Franza Elisabeth Borne mill-ġdid tappella għall-kalma u biex in-nies ma jwettqux azzjonijiet li jkunu ta’ detriment għalihom u għall-persuni innoċenti.
Il-President Macron, sadanittant, qed ikun aġġoranat dwar l-iżviluppi f’pajjiżu waqt li jinsab fi Brussell biex jattendi laqgħa tal-Kunsill Ewropew. Macron se jirritorna pajjiżu għada l-Ġimgħa u r-rapporti qalu li hu anki jinsab f’kuntatt kontinwu mal-Prim Ministru Borne — bl-awtoritajiet f’Pariġi bħalissa qed jimponu sitwazzjonijet ta’ curfew fiċ-ċentru u bnadi oħra ta’ Pariġi.
//= $special ?>