Ir-riserva tad-demm f’Malta qatt ma kienet fi stat kritiku minkejja li fl-aħħar snin żdiedu l-emerġenzi, l-operazzjonijiet komplikati li jkollhom bżonn id-demm, u t-trattamenti ta’ każi tal-kanċer li jużaw demm sħiħ jew prodotti tiegħu… u dan grazzi għal numru ta’ donaturi tad-demm.
F’ċerimonja ta’ ġieħ lid-donaturi tad-demm li saret l-Erbgħa filgħaxija fil-Palazz Verdala, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lid-donaturi kollha għall-att kbir ta’ karità li jwettqu lejn ħaddieħor, b’mod speċjali lil 25 donaturi tad-demm li jagħtu b’mod regolari. Hu qal li din turi kif il-kuxjenza soċjali tgħinna ma naħsbux biss fl-interessi personali, iżda naħsbu wkoll fuq il-bżonnijiet ta’ dawk fil-bżonn
Il-President irrimarka kif donazzjoni waħda tista’ potenzjalment issalva tliet ħajjiet li jkunu fil-periklu. Hu qal li kburi jgħid li l-poplu Malti dejjem irrisponda għas-sejħa tad-demm, u jagħmlu dan mingħajr l-ebda pretenzjoni, anke meta lanqas jafu lil min qed jgħinu.
Il-President ħeġġeġ biex iktar nies imorru jagħtu d-demm sabiex ir-riserva tad-demm qatt ma tispiċċa fi stat kritiku.
Il-President irringrazzja wkoll lill-professjonisti li jaħdmu fis-servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm u tal-banek tad-demm fl-Isptar Mater Dei u tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, għad-dedikazzjoni u l-ħidma tagħhom.
//= $special ?>