Internazzjonali

Il-Kanada: Jonqos għall-konklużjoni tal-analiżi dwar it-telfa tas-sottomarin Titan

Għad fadal ix-xogħol sostanzjali sakemm wieħed jifhem il-fatturi li wasslu għat-telfa katastrofika tas-sottomarin Titan waqt il-vjaġġ lejn is-sit, fl-Oċean Indjan, fejn kien għereq il-bastiment Titanic.

Dan fost tamiet li l-awtoritajiet ikkonċernati  jieħdu ‘il-lezzjonijiet’ biex jevitaw traġedji simili fil-futur.

Kelliema għall-gwardjani tal-kosta fl-Istati Uniti qalu, sigħat ilu, li nstabu l-fdalijiet tal-bnedmin fost it-tifrik tas-sottomarin ‘Titan’ li disintegra jiem ilu waqt ‘dive’ lejn is-sit tat-Titanic.

,Dan sar magħruf wara li t-tifrik tas-sottomarin ittella mill-oċean u twassal lejn St John’s,  belt fuq il-gżira ta’ Newfoundland ‘il hinn mill-kosta tal-Kanada mal-Atlantiku.

Intant, mistenni li l-professjonisti mediċi se jkunu qed iwettqu analiżi formali tal-fdalijiet umani li x’aktarx huma tal-ħames turisti li kienu fuq it-Titan għall-esperjenza ta’ ‘darba f’ħajjithom’.

L-investigazzjoni dwar il-kawża tad-diżastru li xukkjat lid-dinja għadha fil-fażi bikrija. Dan meta l-materjal tat-‘Titan’ għandu jittieħed lejn port fl-Istati Uniti għal aktar analiżi u testijiet bis-sehem tal-Marine Board of Investigation tal-gwardjani tal-kosta Amerikani.

Mifhum li l-ħames turisti tilfu ħajjithom minnufih meta s-sottomarin tal-kumpannija Oceangate, fit-18 ta’ Ġunju, sploda wara li kienu ilu jivvjaġġa għal siegħa u nofs taħt l-Oċean Atlantiku — u fejn suppost li kellu jinżel f’fond ta’ 3,800 metru biex jilħaq is-sit tat-Titanic.