Festi Kultura Lokali

Illum pajjiżna qed ifakkar il-festa ta’ San Pietru u San Pawl

Illum l-Knisja Kattolika tfakkar il-martirju ta’ San Pietru u San Pawl… il-Festa tradizzjonali maghrufa bhala l-Imnarja. Jum li jfakkar il-martirju tal-ewwel Papa u ta’ Missier Malta Kattolika… festa li bdiet tiġi ċċelebrata f’pajjiżna minn qabel żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Għal din l-okkażjoni, l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna iċċelebra Quddiesa Pontifikali fil-Katidral tal-Imdina, biex ifakkar fl-importanza ta’ ringrazzjament lil Alla għal dak li provdilna.

Ritratti: Martin Agius

Dalgħodu wkoll, atmosfera mill-isbaħ iddominat il-ġonna tal-Buskett għall-festa tal-Imnarja… li ta’ kull sena tkun ta’ attrazzjoni għal eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Diversi familji Maltin erħewla fil-post tradizzjonali sabiex igawdu minn dak li toffri din il-festa. Il-kompetizzjonijiet differenti fil-Buskett ma naqsux fosthom dawk ghall-isbah bhejjem.

Dawk preżenti setgħu japprezzaw ukoll il-wirja tradizzjonali tal-ħaxix u l-frott li saret taħt it-tinda tal-Buskett b’dedikazzjoni tal-bdiewa fit-tkabbir tal-prodotti taghhom. Ma naqsux ukoll l-ikel u l-ħlewwiet tradizzjonali Malti kif ukoll spettaklu, kant u divertiment – fejn iddomina l-leħen tal-għannejja b’għana spirtu pront.