Jidher li ġejja fi tmiemha s-saga ta’ wieħed mill-aktar plejers prominenti fl-Ingilterra Declan Rice, hekk kif Arsenal laħqu ftehim ma’ West Ham, għas-somma ta’ 105 miljun lira sterlina. Arsenal, flimkien ma’ Manchester City ilhom interessati f’Rice għall-aħħar xhur, bit-tim minn Londra jirnexxielu jikseb lill-midfielder ta’ 24 sena, wara li Manchester City waqqgħu l-interess tagħhom fil-plejer aktar kmieni din il-ġimgħa.
Rice jidher li laħaq ftehim ma’ Arsenal fuq it-termini tal-kuntratt tiegħu, fejn issa jonqos biss li jitlestew id-dokumenti u li Rice jagħmel it-testijiet ta’ rutina qabel jitħabbar uffiċjalment bħala plejer ta’ Arsenal.
Matul il-jum impenjattiv, Arsenal ħabbru uffiċjalment l-akkwist ta’ Kai Havertz mingħand Chelsea, għas-somm ta’ 65 miljun lira sterlina. Havertz, li għandu 24 sena, rebaħ il-UEFA Champions League ma’ Chelsea fl-2021. L-istaġun li għadda Havertz skorja 9 darbiet f’47 partita għal Blues, wara li ssieħeb lil Chelsea mingħand Bayer Leverkusen fl-2020 għas-somma ta’ 71 miljun lira sterlina.
Intant Manchester United laħqu ftehim ma’ Chelsea biex jiksbu l-firma tal-internazzjonali Ingliż Mason Mount, fejn mistennija jħallsu s-somma ta’ 55 miljun lira sterlina, u ħames miljuni oħra f’pagamenti addizjonali. Mount mistenni jiffirma kuntratt ta’ ħames snin mar-Red Devils f’dak li se jkun l-ewwel akkwist għal Erik Ten Hag matul dan is-suq ta’ trasferimenti.
Ir-rivali ta’ Arsenal, Tottenham ukoll kienu attivi f’dan is-suq ta’ trasferimenti bl-akkwist ta’ James Maddison mingħand Leicester, li kienu relegati mill-Premier League fi tmiem l-istaġun li għadda. Maddison iffirma kuntratt ta’ ħames snin, bl-iSpurs iħallsu s-somma ta’ 40 miljun lira sterlina għal midfielder internazzjonali Ingliż.
Mill-Bundesliga, Bayern Munich mistennija jiksbu wkoll lid-difensur ta’ Napoli Kim Min Jae, fuq kuntratt ta’ ħames snin. Kim kien strumentali għal Napoli li rebħu l-iScudetto għall-ewwel darba wara 33 sena.
B’hekk, Bayern Munich se jkunu jistgħu iħallu lil Lucas Hernandez jissieħeb lil PSG, fi trasferiment ta’ 50 miljun ewro.