Wara li nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta Il-Mument żvelat manuvri min-naħa ta’ Joseph Muscat li kien qiegħed iwassal messaġġi lil Robert Abela li kemm-il darba dan jarmih, allura l-Eks Prim Ministru kien lest li jitfaċċa fuq il-lista tal-kandidati għall-Parlament Ewropew, issa ikkonferma li lest jisfida lill-istess Robert Abela u jirritorna direttament fix-xena politika.
Filwaqt li nhar it-Tlieta li għadda, għal numru ta’ drabi, Joseph Muscat ipprova jbellagħha lil xi ħadd li “jien ċittadin normali”, fl-istess waqt uża l-body language tiegħu biex lil Robert Abela wassallu messaġġ dirett li għalih l-arena politika u r-ritorn għaliha huma aktar minn possibbli għaiex fiha jħossu komdu!
Dan kollu hekk kif nhar it-Tlieta li għadda l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ kien imsejjaħ quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) fejn ma qagħadx lura min-narrattiva politika tiegħu u mill-istil tiegħu li meta jinġieb dahru mal-ħajt tispiċċa taqbiżlu, filgħaxija fuq il-midja soċjali esprima s-sodisfazzjon tiegħu li kien qed jiddibatti fil-Parlament.
Permezz ta’ messaġġ ta’ żewġ linji, Joseph Muscat qal: “Kont ili ftit żmien ma nidħol f’dibattiti parlamentari bħal dawn. Ħadt ir-ruħ li qiegħed hawn.”
Dlonk ir-risposta mill-famuż Neville Gafà li fuq il-midja soċjali kiteb: “Postok huwa fil-Parlament. Mhux b’kapriċċ, iżda għaliex pajjiżna għandu bżonnok. Ftakar ħaġa waħda: Malta warajk. Sejħilna u ssibna spalla miegħek.”
Naturalment dawn kollha huma messaġġi diretti lil Robert Abela f’mumenti meta hu mhux b’saħħtu la f’livell ta’ Kabinett tal-Ministri, la fil-Partit Laburista fost id-delegatiu l-partitarji u wisq inqas fil-pajjiż bid-diversi problemi tal-għoli tal-ħajja, il-korruzzjoni u dak kollu li qed jiġri madwarna.
Joseph Muscat jaf ben tajjeb li fl-elezzjoni ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla, Robert Abela għandu ċans tajjeb li ma jmurx kif jixtieq u jnaqqas mill-vantaġġ tal-Partit Laburista u allura jkollu jiffaċċja deċiżjonijiet iebsa ferm.
Fl-isfera ta’ dan ix-xenarju allura t-theddida ta’ Joseph Muscat hi aktar minn diretta… ċioè li lest jirritorna fil-politika għaliex iħoss li l-Parlament hu postu! Biex persuni bħal Neville Gafà jkunu pronti jkomplu mal-mewġa ta’ Joseph Muscat li jkomplu jħeġġuh jieħu d-deċiżjoni li jirritorna.
L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat kien irriżenja minn Membru Parlamentari wara tnax-il sena li kien ilu jservi fih. Hu kien ta r-riżenja tiegħu f’Ottubru tal-2020 ftit xhur biss wara li kien irriżenja minn Prim Ministru hekk kif ismu beda jfeġġ b’ċertu qawwa b’rabta ma’ diversi każijiet serji ta’ korruzzjoni.
Fil-fatt illum hu sigriet magħruf li d-diskorsi ta’ Joseph Muscat ta’ qabel l-2013 – meta kien jirriferi għall-famuża road-map – illum nafu li din ir-road-map kienet b’riferenza ċara għall-ftehim li għamel dwar l-Electrogas u l-power station fuq il-baħar f’Delimara, l-art massiċċa mogħtija lil Sadeen biex jiżviluppaw università f’Bormla li naqset bil-kbir milli tattira l-volum ta’ studenti mwiegħda, l-imtieħen tal-enerġija fil-Montenegro, il-bejgħ minn wara dahar il-poplu ta’ tliet sptarijiet pubbliċi u lista interminabbli ta’ affarijiet oħrajn li finalment spiċċat għamlet il-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat fit-Tmexxija tal-pajjiż bħala waħda mhux aktar tenibbli.
Joseph Muscat fis-snin li għaddew kien jiffigura wkoll f’interrogazzjonijiet mill-Pulizija, kemm direttament fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana u anki meta l-Pulizija għamlulu tfittxijiet fir-residenza tiegħu f’Burmurrad u fl-uffiċċju tiegħu f’Sa Maison.
S’issa Joseph Muscat għadu qatt ma kien investigat bis-serjetà dwar allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, iżda r-rejd li sar fil-proprjetà tiegħu fi Frar tas-sena l-oħra kien għalih daqqa taħt iċ-ċintorin tant li minn dakinhar ’il quddiem ir-relazzjoni tiegħu ma’ Robert Abela sfumaw fix-xejn. Anki jekk Robert Abela spiċċa fejn spiċċa grazzi għall-appoġġ tal-koppja Muscat.
Illum Joseph Muscat u Robert Abela ma jarawx għajn m’għajn b’ta’ l-ewwel jattakka lil tat-tieni li filwaqt li hu kien imexxi grazzi għaliex kellu tim wieħed, illum Robert Abela jmexxi Kabinett u Partit Laburista maqsum f’numru ta’ fazzjonijiet.
Proprju nhar il-Ħadd li għadda fil-gazzetta Il-Mument, kien żvelat kif Joseph Muscat bagħat twissija diretta u ċara lil Robert Abela fis-sens li jekk dan kien b’xi mod se jarmih, allura kien lest jikkonsidra li jirritorna fis-xena politika bħala kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Nhar it-Tlieta li għadda, proprju meta mistoqsi b’mod dirett dwar din l-intenzjoni tiegħu, Joseph Muscat – viżibbilment skomdu – qal li fil-preżent din mhix fil-ħsibijiet tiegħu… biex imbagħad, ftit tal-ħin biss wara, irrikorra għall-midja soċjali u stqarr kemm ħassu tajjeb jiddibatti fil-binja tal-Parlament!
Naturalment il-ħsibijiet espressi minn Joseph Muscat sabu lil diversi jħeġġuh biex jirritorna fil-Partit u fil-Parlament “għaliex hemm postok” u għaliex “għandna bżonnok”. U għaliex “mingħajrek il-Partit sejjer lura” u għaliex “il-Partit m’għadux li kien”!
Fost dawk li kkummentaw kien hemm ukoll il-famuż Neville Gafà li fuq il-midja soċjali kiteb: “Postok huwa fil-Parlament. Mhux b’kapriċċ, iżda għaliex pajjiżna għandu bżonnok. Ftakar ħaġa waħda: Malta warajk. Sejħilna u ssibna spalla miegħek.”
Dan hu l-famuż Neville Gafà li għadu jiġri barra għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija Anġlu Gafà naqas milli jinvestiga bis-serjetà l-allegazzjonijiet serji tal-ħruġ ta’ eluf ta’ visas lil Libjani, Alġerini u oħrajn minn Identity Malta.
Dan hu l-famuż Neville Gafà li saħansitra mar fi Tripli, il-Libja biex jipprova jixtri xhieda Libjani li kienu ħallsu l-eluf biex xtraw il-Visa biex setgħu jinġiebu Malta ħalli jingħataw il-kura li kellhom bżonn għaliex kienu involuti fil-gwerra interna fil-Libja, b’mod partikulari wara l-waqgħa tad-Dittatur Muhammar Al Qaddafi!
Iżda Neville Gafà, li qatt sal-ġurnata tal-lum ma ta l-appoġġ tiegħu lil Robert Abela, wera għal darba oħra kif hu jippreferi lil Joseph Muscat għaliex fi żmienu saħansitra kellu uffiċċju f’Kastilja minfejn kien jimmanuvra, jordna u jara lin-nies.
Mhux biss, iżda fi żmien Joseph Muscat kien ġej u sejjer il-Libja jinnegozja f’isem il-Gvern tal-istess Joseph Muscat u bil-barka tal-istess Joseph Muscat!
//= $special ?>