L-għajnuna tal-COLA li jmiss se jkollha tkun tal-inqas…€13 fil-ġimgħa….iżda l-Gvern għandu bżonn isib mezz biex il-paga tiżdied mingħajr ma jkompli jixħet piżijiet żejda fuq min iħaddem.
Sostniet dan il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Agius Mamo f’intervista mal-gazzetta Malta Business Weekly fejn saħqet li b’mod inevitabbli l-għajnuna tal-għoli tal-ħajja se tkun tal-inqas €13 kawża taż-żieda fil-prezzijiet.
Madanakollu insistiet li l-għajnuna tal-COLA biss mhux biżżejjed. Agius Mamo spjegat li l-COLA titħallas minn min iħaddem u li ċertament bosta huma mħassba b’dak li se jkun qiegħed jiġri.
Hija saħqet li hemm diversi soluzzjonijiet ta’ x’jista jagħmel il-Gvern fosthom jespandi it-tax bands.
Abigail Agius Mamo insistiet li filwaqt li l-ispejjeż qed jiżdiedu…riżultat ta’ dan kollu qed jispiċċaw jiġu intaxxati aktar għaliex permezz tal-għajnuna tal-COLA l-qliegħ qed jispiċċa jiżdied ukoll.
Hija saħqet li hemm bżonn ta’ pjan aħjar kif ukoll dwar il-bżpnn ta’ ħaddiema li jaħdmu aktar bil-għaqal u jżidu l-valur tal-produzzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs saħqet li ma tistax tkun ċerta 100% li ħadd ma huwa qed jabbuża mis-sitwazzjoni taż-żieda fl-inflazzjoni, iżda sostniet li realistikament ma hawn ħadd li qed jieħu gost iżid il-prezzijiet tal-merċa u servizzi tiegħu.
Hija sostniet li ħafna mill-affarijiet f’pajjiżna huma importati u saħqet li minkejja li f’Malta hawn kontroll fuq il-prezzijiet tal-enerġija….l-bqija tal-prodotti ġejjin minn barra u għaldaqstant qed naraw ir-riżultat tal-inflazzjoni għolja ħafna li hemm barra minn xtutna.
Għaldaqstant hija saħqet li preżentament iċ-ċittadin qed jispiċċa jdur aktar biex jixtri, idur u jqabbel il-prezzijiet. Dan filwaqt li temmet tgħid li s-saħħa li l-konsumatur għandu f’idejh hija importanti.
Finalment Abigail Agius Mamo stqarret li min qiegħed jabbuża mis-sitwazzjoni u jżid il-prezzijiet mhux jaħseb fit-tul għaliex din mhux l-aktar deċiżjoni għaqlija….minħabba l-fatt li fi kliemha stess…il-konsumatur ma jaħfirx.
//= $special ?>