Fi stqarrija ppubblikata fl-aħħar sigħat, il-Union tal-Għalliema esprimiet it-tħassib tagħha għall-fatt li madwar 100 edukatur irriżenjaw mill-kariga tagħhom fl-iskejjel tal-Gvern fl-aħħar sena.
Dan tħabbar it-Tlieta waranofsinhar fil-Parlament, wara li d-deputat tal-Partit Nazzjonalista Graziella Galea staqsiet lill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima fuq din is-sitwazzjoni…. bil-Ministru jikkonferma li fl-aħħar 12-il xahar, irriżenjaw tliet għalliema tal-kindergarten, 27 LSE u 25 għalliema; li 10 minnhom kienu peripatetiċi u li kienu jaħdmu fl-iskejjel primarji.
Dan filwaqt li fl-iskejjel sekondarji, irriżenjaw żewġ assitant heads, seba’ LSEs u 33 għalliema.
Minn naħa tagħha l-MUT qalet li aktar kmieni din is-sena, l-Union kienet ħabret żieda fir-riżenji kaġun tal-pandemija. U appellat lill-Gvern sabiex dawn iċ-ċifri daqstant inkwetanti jiġu analizzati b’aktar reqqa.
Fl-isqarrija, l-MUT talbet għal aktar informazzjoni dettaljata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, filwaqt li talbet ukoll lill-Ministeru sabiex jannalizza l-‘exit interview’ tal-edukaturi ħalli ikun jista’ jifhem aħjar is-sitwazzjoni li qed twassal għal daqstant riżenji.
Madanakollu l-MUT insistiet li għandha ssir distinzjoni bejn riżenja minħabba offerta minn settur edukattiv ieħor u riżenja minħabba bidla fil-karriera.
L-MUT tefgħat dawl ukoll fuq in-numru tar-rapporti li rċieviet li jittrattaw edukaturi li kienu rriżenjaw u qed jitolbu biex jerġgħu jaħdmu mal-Istat, iżda għal xi raġuni mhux magħrufa qed jiġu rifjutati milli jagħmlu dan.
//= $special ?>