Il-Kummissjoni Ewropea għadha kemm ħabbret €430 miljun f’fondi biex tappoġġja s-settur agrikolu ta’ 22 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta.
Dawn il-fondi jeħtieġu azzjoni immedjata mill-Gvern sabiex jgħinu l-katina tal-produzzjoni lokali biex tħejji ikel ta’ kwalità bi prezz raġonevoli, hekk kif iż-żidiet għall-għoli tal-ħajja qed jimbuttaw eluf ta’ familji Maltin fi problemi.
Minn dawn il-fondi, Malta ġiet allokata €240,896, kif spjega l-kandidat tal-PN għall-elezzjonijiet Ewropej, Peter Agius.
L-Istati Membri kienu qasmu mal-Kummissjoni Ewropea valutazzjonijiet tad-diffikultajiet li jaffaċċjaw is-setturi agrikoli rispettivi tagħhom.
L-awtoritajiet nazzjonali ser jiddistribwixxu l-għajnuna direttament lill-bdiewa, biex jikkumpensawhom għat-telf ekonomiku minħabba t-tfixkil fis-suq, il-konsegwenzi ta’ prezzijiet għoljin, u għall-ħsara kkawżata mill-avvenimenti riċenti relatati mal-klima.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura qal li l-bdiewa huma fost l-ewwel li ntlaqtu mill-kriżijiet klimatiċi, ekonomiċi u ġeopolitiċi. U b’hekk jistħoqqilhom l-appoġġ u r-rikonoxximent tal-Kummissjoni Ewropea.
Kien għalhekk li l-Kummissjoni qed terġa’ żżid l-għajnuna finanzjarja tagħha biex tappoġġja lill-bdiewa.
//= $special ?>