Internazzjonali

Mużika: Il-kantanta Madonna toħroġ mill-isptar

Il-famuża kantanta Madonna ħarġet mill-isptar fi New York fejn kienet ilha rikoverata għal jiem wara li qabditha infezzjoni serja li ġiegħlitha tieqaf mill-impenji mużikali.

Dan wara li s-sorsi qalu li hi kienet qed tirrispondi tajjeb għat-trattament — u wara li hi nħarġet mit-taqsima għall-kura intensiva. Is-sorsi huma wkoll ottimisti li l-kantanta ta’ Material Girl, Papa Don’t Preach u Cherish għandha tfiq kompletament mill-infezzjoni għalkemm irrifjutaw li jagħtu dettalji.

Intant, Madonna, li għandha 64 sena, kellha tipposponi t-tour ta’ kunċerti madwar id-dinja u li kellu jdum għal seba’ xhur.

It-tour kien intiż li jiċċelebra l-40 sena ta’ Madonna bħala kantanta, b’aċċenn partikulari għall-kanzunetti tagħha li telgħu fil-quċċata tal-klassifiċi tal-hits madwar id-dinja.

Fl-istess ħin, Madonna għadha qed tirċievi eluf ta’ messaġġi ta’ kuraġġ u awgurju mingħand il-ħafna ħbieb u ismijiet rinomati oħra fid-dinja tal-mużika u l-ispettaklu.