L-attakk bil-missili ta’ nhar it-Tlieta fuq il-belt Ukrena ta’ Kramatorsk qed jitqies bħala ‘reat kontra l-bniedem’ wara li rriżulta fi tnax-il vittma, fosthom tliet adolexxenti li kienu f’ristorant li ġarrab l-agħar tal-burraxka.
Sadanittant, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed jgħid li l-attakk sar bis-sehem ta’ allegat aġent sigriet li kien qed jgħin lir-Russja u li ‘il quddiem għandu jkun ipproċessat dwar tradiment.
Qed jingħad li r-raġel partikulari, residenti fi Kramatorsk, kien bagħat filmat tar-ristorant lill-militar Russu, ftit sigħat qabel l-istabbiliment spiċċa meqrud taħt xita ta’ missili.
Intant, Zelensky għamilha ċara li kulmin qed jgħin lir-Russja biex toqtol lin-nies innoċenti għandu jistenna ‘il-piena massima’ – bl-awtoritjiet, fl-aħħar sigħat, jikkonfermaw li numru ta’ nies mill-Kolombja kienu wkoll fost il-midruba fl-attakk fuq Kramatorsk.
Il-President tal-Kolombja, Gustavo Petro, ma naqasx milli jikkundanna l-attakk tar-Russi fuq iċ-ċivili fi Kramatorsk u saħaq li ċ-ċittadini ta’ pajjiżu spiċċaw vittmi ta’ aġir li jabbuża kull protokoll ta’ gwerra. Dan meta kien mistenni li l-Ministeru Kolombjan għall-Affarijiet Barranin kien se jibgħat nota diplomatika ta’ protesta lill-Kremlin ta’ Moska.
Il-midruba fl-attakk fuq Kramatorsk issa qabżu s-60 u meta s-servizzi għall-emerġenzi kienu qed ikomplu b’ħidma ta’ ‘search and rescue’ fis-sit tar-ristorant u l-madwar.
Fl-aħħar sigħat ukoll, is-servizzi tas-sigurtà Ukreni ċirkulaw ritratt ta-raġel minn Kramatorsk li kien qed jinżamm taħt arrest fuq suspett li hu aġent tar-Russja. Jekk jinsab ħati bħala protagonista fl-attakk, is-suspettat kapaċi jkun ikkundannat il-ħabs għal għomru.
Il-belt ta’ Kramatorsk tinsab fir-reġjun tad-Donetsk u għalkemm hi kontrollata mill-Ukreni, tinsab qrib ħafna tat-territorji okkupati mill-qawwiet Russi lejn il-lvant tal-Ukrajna.
Sadanittant, is-sorsi qrib il-Kremlin tar-Russja qed ikomplu jgħidu li l-militar tagħhom qed jattakka biss l-interessi tal-Armata Ukrena u li l-qawwiet Russi qed jagħmlu li jistgħu biex jimminimizzaw it-telf ta’ ħajja fost il-popolazzjoni ċivili.
//= $special ?>