Lokali

“Aktar minn €9 biljun dejn: żieda ta’ €673.8 miljun f’sena” – PN

Sal-aħħar ta’ Mejju, id-dejn ta’ pajjiżna qabeż id-€9 biljun. Dan ifisser €673.8 miljun aktar minn Mejju 2022. Dawn iċ-ċifri mhux qed jgħidhom il-Partit Nazzjonalista, iżda l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Fi stqarrija maħriuġa mill-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia, il-Partit Nazzjonalista qal li dan hu ta’ tħassib anke għax, skont rapporti fil-mezzi tax-xandir, dalwaqt se jerġa’ jintlaħaq qbil biex mekkaniżmi relatati mas-sostenibbiltà fiskali fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropa jerġgħu jidħlu fis-seħħ fix-xhur li ġejjin. Dwar dan, il-Ministru tal-Finanzi għadu ma qal xejn, lanqas id-diċenza li jagħti informazzjoni fil-Parlament.

Il-Partit Nazzjonalista jerga’ jesprimi t-tħassib tiegħu wkoll għal dawn iċ-ċifri, frott skandlu wara l-ieħor, li huma l-veru legat tal-Labour fl-aħħar għaxar snin.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti u jerġa’ jtenni li l-Gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni u jara li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli, partikolarment fid-dawl taż-żieda fir-rata tal-interessi.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li dan id-dejn kollu hu mażżra ma’ uliedna u ulied uliedna. Ħasra li l-flus tal-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ u li l-kultura tal-“ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer” qed titħallas minn flus il-poplu. Hu anke għalhekk li, minbarra li hu etiku u moralment ġust, Robert Abela u sħabu għandhom jaraw li dak li nsteraq minn pajjiżna jiġi lura.