Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, ħabbar b’urġenza li l-Gvern tiegħu se jistazzjona l-massimu possibbli tal-pulizija fit-toroq tal-ibliet Franċiżi. Dan wara lejl ieħor ta’ vjolenza u vandaliżmu fuq livell massiċċ li karatterizzaw l-aħħar ġranet iddominati mill-periklu u arja ta’ anarkija f’Pariġi u bliet oħrajn Franċiżi.
Il-poplu Franċiż ma jistax jieħu r-ruħ mindu folol kbar – fosthom żgħażagħ mill-komunitajiet tal-Għarab u l-Afrikani mal-periferiji tal-ibliet Franċiżi – infexxew fi protesti vjolenti dwar il-qtil (fil-bidu tal-ġimgħa) ta’ adolexxenti Franċiż-Alġerin taħt idejn pulizija li spara għal fuqu meta l-vittma kien fil-karozza tiegħu f’Nanterre; distrett ta’ Pariġi.
U wara tielet lejla ta’ vjolenza bla rażan, il-President Macron – li fl-aħħar sigħat irritorna pajjiżu mill-Belġju biex jindirizza l-kriżi – appella biex il-ġenituri jżommu lil uliedhom id-dar fost kumment li ‘il-ġenituri u mhux l-Istat għandhom responsabbiltà biex iżommu lill-uliedhom ‘il bogħod mill-irvellijiet’.
Meta indirizza l-qtil taż-żgħażugħ,li kien ismu Nahel, Macron irrefera għal elementi vjolenti u estremisti li sfruttaw l-inċident f’Nanterre biex jixprunaw il-biża’ u l-vjolenza, Hu kkundanna bil-qawwi dan l-aġir waqt li sostna li s-sitwazzjoni attwali (fi Franza) bl-ebda mod ma tista’ tkun aċċettata, wisq anqas iġġustifikata.
U għalkemm Macron ma ħabbarx stat ta’ emerġenza fuq livell nazzjonali hu għamilha ċara li l-Gvern tiegħu se jkun qed jimplimenta sensiela ta’ miżuri biex jaċċertaw is-sigurtà tal-poplu fi żmien mill-aktar diffiċli.
L-Uffiċjal tal-Pulizija li qatel lil Nahel issa talab skuża lill-familja tal-vittma u bl-avukat tiegħu isostni li l-uffiċjal, li qed jiffaċċja akkużi ta’ omiċidju volontarju, jinsab ‘maħkum bir-rimors għal għemilu’. Dan ukoll meta l-isparatura qajjmet mill-ġdid l-għadab dwar kif il-pulizija titratta mar-residenti fil-komunitajiet Għarab u Afrikani qalb is-sobborgi tal-ibliet Franċiżi.
Il-Pulizija Franċiża, matul il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa, arrestaw viċin is-900 dimostrant fost splużjoni oħra ta’ vjolenza. Dan meta l-folol f’Pariġi vandalizzaw u serqu mill-ħwienet minbarra li taw in-nar lill-mijiet tal-karozzi minkejja l-preżenza kbira tal-pulizija. Ma jidhrux li ħallew effett id-direttivi preċedenti għall-istazzjonar ta’ xi 40,000 uffiċjal tal-pulizija addizzjonali madwar Franza u li xorta ma rnexxilhomx irażżnu ħafna mill-protesti.
Filwaqt li l-President Macron qed jinsisti li ‘ma jistax jittollera l-inċidenti vjolenti ripetuti’, il-Prim Ministru ta’ Franza Elisabeth Borne qalet li l-inkwiet qed jitmexxa minn ‘żgħażagħ b’tendenza qawwija għall-vjolenza’ u li fost oħrajn qerdu l-bini muniċipali, għasses tal-pulizija u bini oħra għas-servizz tal-pubbliku. Hi kompliet li dawn iż-żgħażagħ huma ‘delinkwenti u vandali’ li ma jirrappreżentawx lir-residenti lokali li huma wkoll ixxukkjati bil-kbir dwar dak li qed iseħħ fi Franza.’
//= $special ?>