Kultura Lokali

Il-Banda Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq fid-disa’ impenn internazzjonali

Il-Banda Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq qed tipparteċipa fil-Fem Banda - International Festival of Music Bands f'Lleida fi Spanja bejn it-28 ta’ Ġunju u 5 ta’ Lulju 2023.

Il-Banda Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq ser tkun qiegħda tirrapreżenta lil pajjiżna barra minn xtutna għad-disa’ darba fl-istorja tagħha.

Din id-darba ser tagħmel hekk fi Spanja fit-tmintax-il edizzjoni tal-Fem Banda – International Festival of Music Bands li jiġi organizzat ta’ kull sena ġewwa Lleida. F’ dan il-Festival, il-Banda Santa Katarina V.M. ser tkun qiegħda tagħti l-prestazzjoni tagħha erba’ darbiet, fosthom se jkun hemm żewġ programmi mużikali u marċ fic-centru ta’ Lleida flimkien mal-erba’ baned l-oħra parteċipi f’ dan il-festival li ser ikunu ġejjin minn Franza, mill-Portugal u minn Spanja stess.

Is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. tinsab ferm kburija li l-Banda Santa Katarina V.M. ntgħażlet biex tingħaqad f’mass band flimkien mal-Banda Muniċipali ta’ Lleida u s-Soċjetà Mużikali Obidense għal kunċert ġewwa l-Enric Granados Auditorium li permezz tiegħu ser ikunu qed jagħlqu dan il-festival prestiġġjuż.

Din l-esperjenza ser tkun parti mit-tielet ġemellaġġ mużikali internazzjonali għas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M., hekk kif dan l-avveniment ser ikun l-ewwel parti mill-ġemellaġġ bejn il-Banda Santa Katarina V.M u l-Banda Muniċipali ta’ Lleida. Il-Banda Muniċipali ta’ Lleida ġiet mistiedna sabiex fis-sena 2024 iddoqq fil-Festa ta’ Santa Katarina V.M. fiż-Żurrieq bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-160 sena anniversarju mit-twaqqif tal-istess soċjetà – li kienet l-ewwel Soċjetà Mużikali fiż-Żurrieq.

Mal-44 bandist fi ħdan il-Banda Santa Katarina V.M. ser ikunu qed jingħaqdu mas-Surmast Josef Grech, il-kantanti Mark Tonna u Marisa D’Amato, u 196 ġitant sabiex jassistu u jappoġġjaw lill-44 bandist li ser jifurmaw il-Banda Santa Katarina V.M. ġewwa Spanja f’dan l-impenn internazzjonali.

Is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. tinsab onorata ferm li l-Banda Santa Katarina V.M. ser tkun qed iġġorr il-bnadar taż-Żurrieq u ta’ Malta fl-isfera internazzjonali tal-mużika għad-disa’ darba fl-istorja tagħha.