Ċifri mill-aktar xokkanti dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’pajjiżna kienu mħabbra uffiċjalment minn Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta, meta ħabbar li matul is-sena l-oħra Caritas Malta stabbiliet żewġ rekords ġodda.
Fl-2022 Caritas Malta rat l-ogħla numru ta’ klijenti li resqu għall-għajnuna minħabba sustanzi – 765 każ, u l-ogħla persentaġġ ta’ klijenti li resqu għall-għajnuna minħabba l-kokaina… ħamsin fil-mija tal-każijiet. Il-kumplament kienu 21 fil-mija talbu l-għajnuna minħabba l-eroina u sbatax fil-mija talbu l-għajnuna minħabba l-cannabis.
Jirriżulta wkoll li mis-765 klijent li avviċinaw lil Caritas Malta, kien hemm 233 li missew ma’ waħda mid-djar residenzjali. Caritas Malta rat ukoll 491 persuna li huma membri tal-familja ta’ xi ħadd b’dipendenza.
Dawn jinkludu l-persuni kollha li missew mal-Outreach u s-Servizz tal-Familji fil-Caritas Community Centre, Male Shelter, San Blas (Irġiel), Female Programme (Nisa), il-Prison Inmates Programme (PIP), Dar Charles Miceli u maċ-Ċentru Terapewtiku tal-Adolexxenti f’Tal-Ibwar. Is-sena 2022 kienet l-ewwel sena meta ċ-ċentru Tal-Ibwar kien miftuħ mill-bidu sal-aħħar.
Fid-diskors li għamel waqt il-gradwazzjoni annwali ta’ Caritas Malta f’San Blas, fejn tlettax-il persuna temmew b’suċċess il-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga u issa jinsabu lesti biex jiffaċċjaw il-mewġ li l-ħajja tipprovdilna ta’ kuljum, Anthony Gatt fisser li fl-2022 it-tim ġeneriku tal-Counselling and Social Work Unit fi ħdan il-Caritas Malta ta servizz lil 575 persuna li għaddejjin minn problemi varji ta’ faqar, homelessness, saħħa mentali, użura u vjolenza domestika fost oħrajn.
Dan it-tim jikkordina għaxar gruppi ta’ appoġġ għall-bżonnijiet varji u anke kordinament ta’ social clubs għall-anzjani fil-parroċċi Maltin u Għawdxin. “B’dawn is-servizzi naħdmu id f’id mal-parroċċi li permezz tal-kummisjonijiet tad-Djakonija fil-Parroċċi joffru xibka ta’ sapport fil-lokalitajiet tagħna. Caritas Malta daħlet fi tmintax-il skola bi programmi preventivi u laħqet ’il fuq minn 6,000 student/a; Caritas daħlet ukoll fi ħmistax-il kumpanija/entità u tat servizz preventiv lil 400 impjegat. Mill-Caritas Community Centre tkun ukoll koordinata riċerka li tgħin lill-policy makers. Din is-sena wkoll reġa’ sar ‘A mini-Minimum Essential Budget for a Decent Living (MEBDL) study’ li dalwaqt se nkunu qed inħabbru r-riżultati tiegħu.”
Fid-diskors tiegħu Anthony Gatt tkellem ukoll dwar il-kollaborazzjoni li Caritas Malta għandha mal-Ministeru tal-Familja u ma’ The Alfred Mizzi Foundation permezz tal-Fondazzjoni Dar il-Hena li dieħla fis-seba’ sena tagħha u qal li din il-Fondazzjoni toffri kenn ta’ emerġenza għal min hu bla saqaf u ikla bnina f’nofsinhar għal min hu fil-faqar jew fis-solitudni.
“Issa qegħdin in full swing ukoll f’ħidma fuq żewġ proġetti ġodda – proġett ta’ supported housing b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar għal nisa, nisa bi tfal u adolexxenti li għamlu b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni u għandhom bżonn saqaf temporanju fuq rashom sakemm jiġu fuq saqajhom biex jimxu għal ħajja independenti; u proġett ta’ cold/dry storage b’kollaborazzjoni ma’ St Peter Foundation għal ħażna u tqassim ta’ prodotti tal-ikel għal nies vulnerabbli.
“Dawn huma servizzi li fihom jonfoħ l-ispirtu ta’ Caritas… Li jinbnew fuq il-kelma mill-Vanġelu li nebbħet lil Mons. Victor Grech – ‘Dak li tagħmlu mal-iżgħar fost ħuti qed tagħmluh miegħi.’
“Dan l-ispirtu ilu jonfoħ f’Caritas dawn l-aħħar 55 sena. Illum Caritas tkompli tevolvi biex tirrispondi għall-bżonnijet u l-isfidi tar-realtà tal-lum – l-aċċess għad-droga, il-kultura tal-kokaina u l-cannabis, sfidi fis-saħħa mentali, sfidi tal-għoli tal-ħajja, tal-kiri u tal-proprjetà, qal Anthony Gatt.
Hu tkellem ukoll dwar il-kultura tad-droga f’pajjiżna u qal li “spiss nisma’ bl-inkwiet tal-klijenti u l-familji tagħhom: dwar l-użu tal-ħaxixa anke fil-pubbliku u r-riħa tagħha fil-postijiet tad-divertiment; kemm il-kokaina ssibha kullimkien, bħal kif jgħidu ‘min ifittex isib’… u jekk ma tridx toqgħod tinqala’ tista’ ċċempel biex iġibuhielek delivery; coach tal-isports qalli jien fil-lokalità tiegħi xħin it-tfal joħorġu mill-pitch isibu ħanut tal-cannabis.
“Nafu li l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Cannabis qed tara li dawn is-social clubs li se jinfetħu ma jkunux jistgħu jagħmlu promozzjoni, imma sfortunatament promozzjoni inġenerali tal-ħaxixa bdiet bil-grow shops u dawn il-ħwienet li jistgħu jbigħu prodotti tal-cannabis b’ammont ta’ 0.02 fil-mija ta’ THC (sustanza attiva li ttik l-ewforija); rajna reklamar anke fuq il-bus stops; għalliema fl-iskejjel iħossuhom qed jitilfu l-battalja mal-ħaxixa meta llum it-tfal tagħna jafu li tista’ titpejjep bil-liġi ta’ tmintax-il sena.
“F’din ir-realtà tispikka d-diffikultà biex tinforza l-Liġi li tipprojbixxi l-użu tal-cannabis fil-pubbliku. Hemm ukoll realtà tal-permess tal-erba’ pjanti d-dar li għalkemm twassal li wieħed ma jużax il-black market xorta tiftaħ tieqa għal ħafna abbuż u anke użu bla kontroll. Fil-fatt naqsu n-numru ta’ persuni li jintbagħtu għall-għajnuna mill-ġustizzja li bil-Liġi ta’ qabel kienet tara quddiemha dawk li nqabdu bi ftit grammi ta’ ħaxixa.”
Anthony Gatt enfasizza li: “Jien ma ninsa qatt gradwat seba’ snin ilu li qalli kieku l-ħaxixa legali jien probabbli qatt ma ġejt għall-għajnuna u kont nibqa’ ngħix f’daħna ħajti kollha. Nibqgħu nirrikonoxxu li persentaġġ kbir ta’ dawk li jużaw il-ħaxixa ma jiżviluppawx dipendenza, imma biex ingħata dan il-ftuħ għal min irid ipejjep b’mod hekk imsejjaħ rikreattiv, se jkollna persentaġġ ogħla ta’ persuni li se jħallsu prezz għoli ta’ dipendenza. L-isfortuna tkun li trid taħdem iktar biex nippruvaw insewwu l-problema li ħloqna.”
Hu wera t-tama li l-Awtorità tal-Użu Responsabbli tal-Cannabis tibqa’ tirreżisti l-influwenza ta’ min għandu interess kummerċjali u finanzjarju qawwi li l-cannabis titqies bħas-sigaretti u x-xorb.
“Fl-istess waqt nilqgħu proposti li anke ġew ippubblikati fid-dokument tan-National Drug Policy għal random testing tad-droga fit-toroq tagħna u bidla fil-Liġi dwar drug testing. Nemmnu li din tista’ tkun miżura li tgħin il-forzi tal-ordni f’pajjiżna biex innaqqsu mhux biss l-inċidenti u l-fatalitajiet fit-toroq imma jkollna limit setter ieħor. Hu ta’ pjaċir naraw proposta oħra fid-drug policy ta’ tisħiħ ta’ servizzi speċjalizzati f’Mount Carmel.
“Il-proposti li ma ġewx ikkunsidrati minn ’il fuq minn ħamsin għaqda qabel il-Liġi dwar il-cannabis għadhom jgħoddu – jekk ma mmorrux lura mill-miżura tal-erba’ pjanti, dawn għandhom ikunu reġistrati mal-Awtorità; regulation tiġi failed regulation jekk se jibqa’ jkun hawn l-użu tal-ħaxixa fil-pubbliku; fil-kampanji edukattivi nazzjonali trid tkun ċara l-informazzjoni fuq il-cannabis li din mhijiex sustanza sustanzjuża.”
Fis-serata tal-Gradwazzjoni tkellem ukoll il-President ta’ Malta George Vella li appella biex meta xi ħadd jiltaqa’ ma’ persuni b’dipendenzi, juri empatija, mogħdrija u jevita kliem ta’ disprezz. “Meta nneħħu l-istigma li sfortunatament għadha magħna, inkunu qed niżguraw li min ibati mid-dipendenza jħossu apprezzat u mifhum, mhux immaqdar jew insultat,” qal il-President Vella.
Fid-diskors tiegħu, il-President faħħar ir-rwol siewi tad-Dar Charles Miceli li issa ilha ħames snin tgħin lill-individwi li jkunu lestew jew waslu biex ilestu l-programm biex ma jerġgħux jaqgħu fid-dipendenza.
Dwar l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Cannabis, il-President qal li din m’għandhiex tkun Awtorità tal-isem, imma Awtorità magħmula minn nies kompetenti li kapaċi jgħinu lill-awtoritajiet leġiżlattivi jbiddlu jew jaġġornaw il-Liġi skont il-bżonn.
“Din hija ġlieda kontra d-dipendenza mid-droga, mhux ġlieda kontra min jaqa’ vittma. Dawn huma ħutna li għandhom bżonn l-għajnuna, is-simpatija u l-imħabba tagħna lkoll,” temm id-diskors tiegħu l-President George Vella.
//= $special ?>