Internazzjonali Saħħa

Il-Gvern Ingliż iżid il-budget għall-infermieri u t-tobba hekk kif tħabbar pjan biex iżid l-istaff fl-isptarijiet

F'Malta, il-Gvern għadu jkaxkar saqajh biex jilħaq qbil mal-infermieri

Illum, il-Gvern Ingliż ħabbar il-pjan radikali tiegħu sabiex isaħħaħ il-professjoni tat-tobba u l-infermieri u jżid l-istaff fl-isptarijiet. Dan se jsir, fost l-oħrajn, permezz ta’ pakkett addizzjonali ta’ fondi li jaqbeż żewġ biljun lira sterlina.

Fir-Renju Unit, il-Gvern qed jieħu b’serjetà kbira l-problema ta’ nuqqas ta’ infermieri u professjonisti mediċi. U kien għalhekk li tħabbar dan il-pjan b’numru ta’ inizjattivi ċari li jagħtu direzzjoni lil dan is-settur tant importanti.

Biex iwettaq dan il-pjan, il-Gvern ta’ Rishi Sunak se jkun qed iżomm kuntatt dirett u konsultazzjoni mal-Kunsill Mediku.

Din l-istampa titfa’ dawl ukoll fuq il-kuntrasti ċari ma’ dak li qed iseħħ f’pajjiżna, fejn il-Gvern għadu qed ikaxkar saqajh fuq ftehim kollettiv ġdid għall-infermieri. Dan meta t-tmexxija ta’ Downing Street indunat kemm hu kruċjali li jikber l-investiment f’dan is-settur – bil-fondi se jiżdiedu bi £2.4 biljuni. Apparti minn hekk, se jiddaħħlu skemi ta’ apprentistat u opportunitajiet ta’ taħriġ.

Il-media Ingliża qed tgħid li dan huwa pjan “storiku” li mistenni jibda jindirizza l-problemi li hemm f’dan is-settur.

Il-pjan se jkun mifrux fuq 15-il sena.