Il-Membri tal-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqgħu jirreżistu li ssir Inkjesta Pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia – għal raġuni li ħadd ma jista’ jifimha.
Omm Jean Paul Sofia, Isabelle ilha x-xhur tappella lill-Gvern biex minnufih issir Inkjesta Pubblika ħalli toħroġ ir-raġuni vera wara dak li seħħ f’Kordin, u b’hekk tiġi evitata li ssir traġedja oħra ta’ dan it-tip.
Isabelle Bonnici kienet saħansitra avviċinat lill-Prim Ministru Robert Abela dwar dan, iżda hu baqa’ jinsisti li Inkjesta Pubblika ma ssirx.
Taqbel mal-opinjoni ta’ Abela hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said li meta staqsejniha dwar il-vot li se jittieħed il-Ħamis fil-Parlament fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, hi baqgħet tinsisti li se tkun qed tivvota skont dak li jagħmel il-Partit Laburista.
Meta ġiet mistoqsija għaliex il-Gvern Laburista għadu s’issa jinsisti li ma ssirx Inkjesta Pubblika, Bugeja Said ħarbet mill-mistoqsija u minflok qalet illi temmen li dak li l-Partit Laburista qed jagħmel ….huwa l-aħjar.
Fl-aħħar jiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar li l-Ħamis fis-seduta ddedikata għall-Oppożizzjoni, se tkun diskussa l-mozzjoni dwar il-bżonn ta’ Inkjesta Pubblika sabiex issir ġustizzja u toħroġ il-verità kollha dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia.
Wara din is-seduta se jkun qed jittieħed vot, b’omm Jean Paul Sofia appellat lil kull deputat fil-Parlament biex jivvota favur.
Bernard Grech ilu minn naħa tiegħu ilu xhur sħaħ jisħaq illi mhux aċċettabbli li r-ras iebsa ta’ Robert Abela tibqa’ ċċaħħad lill-ġenituri mill-verità kollha.