Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Kap tal-Wagner spiċċa mira għall-assassini?

Żdiedu l-għajdut li s-servizzi tas-sigurtà tar-Russja, magħrufin bħala l-FSB, qegħdin jippjanw biex jassassinaw lil Yevgeny Prigozhin, il-Kap tal-grupp paramilitari Wagner magħmul mill-merċenarji, u li bħalissa qed jgħix f’eżilju fil-Belarus.

Prigozhin u l-ġellieda tal-Wagner, ftit anqas minn ġimgħa ilu, dehru ‘minuti biss ‘il bogħod’ milli jwaqqgħu lit-Tmexxija tar-Russja wara li rnexxielhom javvanzaw sal-limiti ta’ Moska – bil-pajjiż jispiċċa f’xifer ta’ gwerra ċivili b’kaġun ta’ dan l-irvell. Madankollu, Prigozhin iddeċieda li jirtira lill-ġellieda tiegħu lejn il-bażijiet tagħhom u bil-konsegwenza li hu kellu jitlaq mir-Russja lejn il-Belarus fost ħafna spekulazzjoni.

Intant, il-Ġeneral Kyrylo Budanov, li jmexxi s-servizzi sigrieti tal-militar Ukren, issuġġerixxa li Prigozhin ‘mgħandux ħajja twila’ u li l-FSB qed ikunu fdati ‘bil-pjan għall-assassinar tiegħu’.

Prigozhin ilu ġimgħa ma jidher fil-pubbliku, bl-aħħar ritratti tiegħu jittieħdu waqt li hu kien qed isuq ‘il hinn mill-belt ta’ Rostov-on-Don li kienet waqgħet għal xi żmien lill-qawwiet tal-Wagner.

Fl-istess ħin, Budanov, li kien qed ikellem lill-ġurnal ‘online’ bl-isem The War Zone,  qal  ukoll li s-servizzi sigrieti tal-Ukrajna ‘kienu ilhom konxji dwar ’il-pjan ta’ Prigozhin biex iwettaq irvell fir-Russja’.

Huwa ċert li Yevgeny Prigozhin tilef  ħafna mill-popolarità li kellu fir-Russja wara l-azzjoni ta’ ġimgħa ilu li qed tissemma bħala kolp ta’ stat fallut kontra l-President Russu Vladimir Putin.

Ir-rati ta’ approvazzjoni għal Prigozhin fost ir-Russi issa niżlu minn 58 fil-mija ( qabel l-irvell) għal anqas minn 40 fil-mija, skont stħarriġ li jkopri mill-anqas 50 reġjun tar-Russja. Dan ukoll meta ‘ħafna anqas Russi’ illum huma lesti li jikkunsidraw lil Prigozhin bħala President potenzjali tar-Russja li kieku hu kellu jikkuntesta fl-elezzjonjiet nazzjonali tal-2024.