Beda l-proċess tal-qorti għall-attur Amerikan Kevin Spacey li qed iwieġeb għal tnax-il akkuża li tinvolvi aggrediment sesswali fil-konfront tal-irġiel u li skont l-avukat tiegħu huma ‘bażati kollha fuq il-gideb’.
L-attur veteran – li ilu ma jaħdem film għal ħafna snin – ippreżenta ruħu fil-Qorti ta’ Southwark, f’Londra, fejn il-prosekuturi fetħu l-proċess bl-akkuża li Spacey hu ‘aggressur li ma jirrispettax ix-xewqat u l-ispazju personali tal-individwi u li bilfors irid li tgħaddi tiegħu irrispettivament mill-impatt li jħalli fuq ħaddieħor’.
L-akkużi fil-konfront ta’ Spacey jibbażaw kollha fuq inċidenti ta’ allegat abbuż u aggrediment bi skop sesswali li jingħad li damu mill-2002 sal-2013.
Intant, Kevin Spacey – li kellu karriera mimlija b’suċċessi f’Hollywood u li sar magħruf madwar id-dinja għal films bħal The Usual Suspects, American Beauty, The Life of David Gale, Swimming With Sharks u Horrible Bosses – qed jiċħad l-akkużi kollha miġjuba quddiemu.
L-attur kien dam żmien konsiderevoli fir-Renju Unit fi żmien meta hu kien impjegat bħala direttur tat-teatru Old Vic, f’Londra, bejn l-2004 u l-2015.
Intant, l-allegati vittmi ta’ Kevin Spacey huma intitolati għal stat ta’ anonimità taħt il-liġi.
L-avukat ta’ Spacey, Patrick Gibbs, min-naħa tiegħu rribatta li l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-klijent tiegħu kienu seħħew ‘ħafna ħmien ilu’. Gibbs, fl-istess ħin, issuġġerixxa li l-proċess kontra Spacey jinvolvi ‘ħafna logħob bil-verità bil-ħsieb li tinqeda l-aġenda ta’ xi persuni’ u li l-akkużi qed ikunu ‘eżaġerati minn persuni li qed ifittxu ftit minuti ta’ fama f’ħajjithom’.
//= $special ?>