Internazzjonali

‘Mural’ tal-President Metsola fit-toroq ta’ Irpin

Il-poplu ta’ Irpin irringrazzja lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għall-appoġġ tagħha u tal-Parlament Ewropew għall-Ukrajna b’mural fit-toroq tal-belt li jgħixu fiha.

Filwaqt li rringrazzjat lin-nies tal-Ukrajna, il-President Metsola qalet: “Emozzjonata li nara dan il-mural impitter fit-toroq ta’ din il-belt Ukrena. Il-kuraġġ tal-irġiel u n-nisa ta’ Irpin hu ta’ ispirazzjoni għad-dinja kollha. Urew li t-terrur u l-bombi ma jistgħu qatt jeqirdu d-dinjità.”

Il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew hu kburi li mill-bidu tal-invażjoni kien ta’ appoġġ lill-poplu ta’ Irpin u dak tal-Ukrajna. “L-Ewropa qegħda magħkom. L-appoġġ tagħna mhux se jonqos. Il-ħbiberija tagħna se tissaħħaħ,” qalet Metsola.

Il-mural tpitter fl-okkażjoni tal-Jum tal-Kostituzzjoni tal-Ukrajna, hekk kif il-President Metsola bagħtet messaġġ ta’ tama u kuraġġ lill-poplu ta’ Irpin. Fuq il-mural hemm miktub:
“L-Ukrajna! L-Ewropa magħkom
Fil-jiem ta’ sofferenza, fi ġranet diffiċli
L-Ukrajna hi pajjiż tal-eroj
U d-dinja kollha rat dan f’Irpin!”

Il-mural li sar mill-artista Kateryna Medvid, tpitter fi Triq Schevchenko, f’Irpin.