Lokali

Omm Jean Paul Sofia tispiċċa fil-mira ta’ attakki online

Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia spiċċat fil-mira ta’ kummenti ħorox u atakki min-numru ta’ persuni fuq il-media soċjali. Dan wara li iktar kmieni din il-ġimgħa weħlet banner mal-faċċata tad-Depot tal-Pulizija fil-Furjana biex tfakkar lill-Kummissarju Angelo Gafa u lill-Gvern ta’ Robert Abela li għadha ma saritx ġustizzja ma’ binha.

Fost il-kummenti, kien hemm tnejn partikolari li attakkaw lil Isabelle fuq l-edukazzjoni li hija tat lil binha.

Kumment minnhom kien jgħid preċizament dan il-kliem: ‘Li kieku kont tħobb lil ibnek, ta’ dik l-età skola kont nibagħtu u mhux fil-ġebel’. Filwaqt li persuna oħra kitbet ‘Naħseb li kieku għallimtu skola sew, kien jeħlisha’.

Omm Jean Paul Sofia kkundannat dawn il-kummenti u saħqet li min kien jaf lil binha jaf kemm kien żagħżugħ intelliġenti u kemm kien kuntent li kien jaħdem f’dan il-qasam. Hi insisstiet illi għandha kuxjenza nadifa u tinsab kburija li binha kien jgħid li għandu l-aqwa omm li seta’ jkollu.

Nhar l-Erbgħa, Isabelle nediet kampanja ġbir ta’ fondi biex hi flimkien ma’ qraba u ħbieb ta’ Jean Paul jibqgħu jinsitu għal Inkjesta Pubblika sabiex toħroġ il-verità kollha u ssir ġustizzja sħiħa.

Permezz ta’ din il-kampanja se jkomplu jaħdmu biex kull inkjesta li ssir wara li sseħħ mewta fuq il-post tax-xogħol, tkun ippubblikata ħalli ħadd ma jgħaddi minn li għaddejjin il-qraba ta’ Jean Paul Sofia.

Jean Paul Sofia li kellu għoxrin sena tilef ħajtu b’mod mill-iktar traġiku meta nqabad taħt it-tiġrif ta’ sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin waqt li kien fuq il-post tax-xogħol.

S’issa għaddew iktar minn sitt xhur u l-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jirreżisti milli ssir inkjesta pubblika. Dan minkejja d-diversi appelli li qed isirulu fosthom mis-soċjeta inġenerali, mill-Partit Nazzjonalista u anke mill-familja stess ta’ Jean Paul Sofia.