Il-ħaddiema, l-anzjani u l-familji Maltin u Għawdxin qed jibqgħu iġorru piżijiet kbar kaġun tal-għoli tal-ħajja – fatt illi reġa’ kien konfermat anke mill-aħħar statistika Ewropea, illi turi kif pajjiżna baqa’ fl-istess livell tas-sajf li għadda fejn tidħol ir-rata tal-inflazzjoni.
U minkejja li din, fuq xahar, naqset marġinalment – xorta baqgħet ogħla mill-medja Ewropea.
L-informazzjoni li ħarġet mill-Eurostat turi li l-inflazzjoni f’pajjiżna għadha fl-istess ilma tas-sena l-oħra. U meta tqabbel is-sitwazzjoni ta’ Malta f’Ġunju ta’ din is-sena ma’ Ġunju tas-sena li għaddiet, wieħed malajr jinduna li l-kriżi tal-għoli tal-ħajja baqgħet eżatt kif kienet.
Dan ifisser li l-prezzijiet tal-prodotti baqgħu għoljin… b’riżultat li l-familji Maltin u Għawdxin bilkemm qed ilaħħqu minn xahar għal xahar, tant li qed ikollhom inaqqsu minn affarijiet li qabel konna nqisuhom parti minn ħajjitna.
Fost l-aktar prodotti affetwati minn żidiet fil-prezzijiet hemm il-prodotti tal-laħam, il-bajd, frott u ħaxix, il-ħalib, il-ħobż, il-ġobon, prodotti tal-ħasil, u anke mediċini – b’dawn kollha jogħlew sew fil-prezz tagħhom.
U meta tqabbel iċ-ċifri ta’ Malta mal-pajjiżi l-oħra Ewropej tinduna kif f’sena, f’pajjiżna biss ma naqsitx il-livell ta’ inflazzjoni. Minn naħa l-oħra, il-pajjiżi kollha raw tnaqqis ta’ mill-inqas 1%. Dan filwaqt li fil-Belġju, il-Greċja, Spanja u l-Lussemburgu…il-familji kellhom tnaqqis ta’ madwar 10% fl-inflazzjoni.
U sadanittant, l-għoli tal-ħajja f’Malta – fuq sena – baqgħet fil-livell ta’ 6.1 fil-mija. Dan meta l-medja Ewropea hi ta’ 5.5 fil-mija.
Fid-dawl ta’ dan kollu, Robert Abela u l-Ministri tiegħu jibqgħu ma jlissnux kelma waħda biex jgħinu lill-Maltin u l-Għawdxin li qed jintlaqtu minn dan il-piż.
B’kuntrast, il-PN qed joffri proposti ċari: fosthom għajnuna diretta lill-importaturi biex jilqgħu għall-piżijiet li qed jaffaċjaw fl-importazzjoni, u l-proposta li l-COLA ma tibqax tiġi intaxxata.
//= $special ?>