Lokali

Pajjiżna se jilqa’ diversi Ministri Internazzjonali għall-‘MedFish4Ever’

Bejn it-3 u l-4 t’Ottubru ta’ din is-sena, Malta se tilqa’ lill-pajjiżi li jagħmlu parti mill-Kummissjoni dwar is-Sajd Ġenerali tal-Mediterran sabiex isir aġġornament tad-Dikjarazzjoni MedFish4Ever; laqgħa li hija importanti minħabba numru ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda.

Dan il-kungress se jiġi organizzat flimkien mal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran li se jiddiskutu s-suċċessi, kif ukoll l-isfidi, li qegħdin jiffaċċjaw is-sajjieda u l-operaturi fis-settur tal-akwakultura.

Wara diversi xhur ta’ negozjati xprunati mill-Kummissjoni Ewropeja, din id-dikjarazzjoni laħqet ftehim għal perjodu ta’ għaxar snin, bil-għan li tipproteġi s-saħħa ekoloġika, ekonomika u ambjentali tal-baħar Mediterran.

Il-kungress ta’ Ottubru li ġej, se jiddiskuti s-suċċess ta’ din il-ħidma kollaborattiva fuq numru ta’ temi differenti.

Fosthom hemm it-tibdil tal-klima, l-immaniġġjar tal-ispeċi akwatiċi fil-baħar Mediterran, u l-protezzjoni tal-ambjent.

Madanakollu matul dawn l-aħħar ħames snin inħass il-bżonn li din id-dikjarazzjoni taġġorna ruħha. Fost dawn, il-Kungress se jkun qed isaħħaħ dan il-ftehim billi jiddiskuti s-sigurtà tal-ikel u l-irwol tas-settur tas-sajd fuq skala żgħira.