Lokali

Studenti Maltin jirbħu fl-isfida tal-intrapreditorija internazzjonali

Studenti li jattendu l-Kulleġġ San Martin kisbu rikonoxximent globali meta rebħu l-Global FinCap Challenge 2023, kompetizzjoni internazzjonali amministrata minn Junior Achievement Worldwide u l-HSBC Group.

Dan ir-riżultat isegwi s-suċċess tagħhom fil-Malta National Innovation Challenge bħala parti mill-inizjattiva JA Worldwide, “Building a Financially Capable Generation“.

B’kollox kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ 15-il tim fil-Global FinCap Challenge ta’ din is-sena, u li kienet miftuħa għal studenti ta’ bejn it-12 u s-16-il sena. L-esperjenza ta’ tagħlim kienet tinkludi workshops prattiċi, app edukattiva msejħa FinQuest, u avvenimenti lokali tal-Innovation Challenge, li kienu organizzati minn kull tim parteċipant. Ir-rebbieħa ta’ kull ‘Sfida Nazzjonali għall-Innovazzjoni’ kienu jgħaddu għall-Global FinCap Challenge.

It-tim Malti, li rrappreżenta lil JA Malta, irnexxilu jgħeleb lill-kompetituri minn madwar id-dinja bil-kunċett tal-app innovattiv tagħhom, Malteasy. L-app għandha l-potenzjal li ssaħħaħ l-esperjenza turistika f’Malta billi tipprovdi informazzjoni dwar avvenimenti, swieq, u esperjenzi lokali, filwaqt li fl-istess ħin tippromwovi produtturi u fornituri tas-servizzi lokali.

Għal din l-isfida, it-tim Malteasy introduċa għodda ta’ bbaġitjar finanzjarju li tgħin lit-turisti sabiex kuljum, joħolqu itinerarji li jkunu bbażati fuq ir-riżorsi disponibbli tagħhom, filwaqt li jkollhom lista bid-dettalji ta’ kull nefqa li jkunu għamlu waqt il-btala tagħhom f’pajjiżna.

Il-vjaġġ tal-istudenti li permezz tiegħu bdew it-triq lejn ir-rebħa, beda bl-isfida “immaġina jekk”, fejn kienu mitluba sabiex ifasslu kampanja innovattiva li tistimola l-ħolqien tal-impjiegi lokali u l-opportunitajiet intraprenditorjali. Is-suċċess tagħhom fil-National Innovation Challenge li saret f’Malta, waslithom biex kisbu post fil-Global Innovation Challenge.

F’Malta, l-HSBC hu kburi li appoġġja din l-inizjattiva, li taqbel perfettament mal-impenn tal-bank, ċioé li jrawwem il-litteriżmu finanzjarju, l-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli. HSBC Malta Foundation temmen fl-importanza tal-qawwa u s-saħħa tal-imħuħ taż-żgħażagħ tagħna għaliex dawn kapaċi joħolqu soluzzjonijiet li jħallu impatt. Għaldaqstant il-fondazzjoni hija ddedikata biex tkompli biex trawwem dawn it-talenti permezz tal-appoġġ tagħha għal programmi bħal ta’ JA Malta.

Michel Cordina, Direttur Eżekuttiv tal-HSBC Malta qal, “il-ħsieb innovattiv u l-għarfien finanzjarju tal-istudenti huma tassew ta’ ispirazzjoni. Ir-rebħa tagħhom hija xhieda ta’ dak li nistgħu lkoll niksbu meta ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna. Bħala HSBC, aħna impenjati li nagħtu s-setgħa lill-imħuħ żgħażagħ biex joħolqu soluzzjonijiet sostenibbli għall-futur. Prosit lit-tim Malteasy għal dan is-suċċess mistħoqq”.

Matthew Caruana, CEO ta’ JA Malta ikkummenta: “Dawn l-opportunitajiet għall-istudenti tagħna huma imprezzabbli. Studenti minn skejjel differenti f’Malta kellhom iċ-ċans jiltaqgħu, jinteraġixxu flimkien, u fuq kollox jaqsmu l-ideat u l-ħsibijiet tagħhom u jaħdmu flimkien. It-tim rebbieħ seta’ jagħmel l-istess ukoll fuq livell internazzjonali. Irridu naħdmu aktar u bl-appoġġ kontinwu ta’ HSBC Malta Foundation, nistgħu noffru aktar minn dawn l-opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna sabiex nispirawhom għas-suċċess futur.”