Lokali

Test għal Robert Abela dwar kemm jieħu bis-serjetà akkużi ta’ vjolenza domestika

Suspetti li iben tal-Avukat Pawlu Lia għaddej minn proċeduri kriminali

F’rapport mill-Qorti fil-jiem li għaddew kien żvelat għall-ewwel darba li l-Avukat Alessandro Lia, li jiġi iben tal-Avukat Pawlu Lia, jista’ jkun għaddej minn proċeduri kriminali.

Jirriżulta fil-fatt li f’dawn il-jiem issemma wkoll li l-Maġistrat Nadine Lia kellha tastjeni milli tkompli tisma’ każ dwar omiċidju proprju minħabba li l-Avukat ta’ Alessandro Lia kien proprju l-Avukat kontriha fil-proċeduri.

Għalhekk issa qed iqumu mistoqsijiet serji kemm dwar jekk il-Gvern Laburista hux serju fl-impenn tiegħu kontra l-vjolenza domestika kif ukoll jekk Alessandro Lia għandux jirriżenja jew għall-inqas ikun sospiż mid-diversi karigi pubbliċi li jokkupa.

Tajjeb li jingħad li, fost l-oħrajn, Alessandro Lia hu Kummissarju għall-Ġustizzja, membru fuq il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir u membru fuq diversi bordijiet governattivi oħra.

Kollox jindika bl-aktar mod ċar li ġej sajf ta’ baħar imqalleb għal Robert Abela mhux biss minħabba d-diversi problem fuq livell ta’ Gvern u ta’ Kabinett li għandu f’ħoġru u anki minħabba d-diversi firdiet u ġlied intern fil-Partit Laburista, iżda issa anki peress li din l-aħħar kontroversja tista’ timbarazza sew lill-Gvern Laburista fuq diversi fronti.