Internazzjonali

Il-Moldova: Żewġ persuni mejta waqt sparatura fl-ajruport ta’ Chisinau

Żewġ persuni nqatlu wara li raġel li kien qed jinżamm mill-membri tas-sigurtà qabad jispara fuq in-nies li kienu fl-Ajruport Internazzjonali tal-Moldova.

L-aggressur — li spiċċa ferut u arrestat mill-pulizija — qabel kien issakkar f’kamra tal-ajruport flimkien ma’ xi persuni li żammhom bħala ostaġġi . Dan ukoll waqt li l-awtoritajiet tal-ajruport f’Chisinau ħadu ħsieb l-evakwazzjoni tal-passiġġieri minn xi sezzjonijet tat-terminal.

Il-vittmi tal-isparatura huma gwardjan tal-fruntiera u uffiċjal tas-sigurtà tal-ajruport. L-uffiċjali l-oħra fl-ajruport issa konfermaw li r-raġel inkwistjoni infexx f’aggressjoni wara li hu tħalliex jidħol il-Moldova.

Il-Prim Ministru tal-Moldova, Dorin Recean, issa żvela li s-suspettat hu ċittadin tat-Taġikistan li kien wasal fil-pajjiż mit-Turkija

Jidher li waqt li l-membri tas-sigurtà kienu qed iwasslu lir-raġel lejn zona partikulari tal-ajruport, hu ħataf arma tan-nar mingħand uffiċjal tal-pulizija u qabad jispara fuq il-grupp tal-uffiċjali li kienu miegħu — fost il-konsegwenzi fatali.

It-titjiriet lejn l-ajruport ta’ Chisinau għalissa jinsabu wieqfa u sakemm tingħata direttiva oħra mill-awtoritajiet tal-Moldova.

Dan il-pajjiż ilu fuq stat ta’ allert għal xhur wara li l-President tal-Moldova Maia Sandu akkużat lir-Russja dwar kumplott kontra pajjiżha li jinvolvi aġenti speċjalizzati f’azzjonijiet ta’ sabutaġġ. Ingħad ukoll li r-Russja għandha l-ħsieb li twaqqa’ lill-Gvern tal-Moldova li hu favur l-Unjoni Ewropea.