Sport Sport Ieħor

European Games: Gianluca Chetcuti jispiċċa fil-ħames post fil-finali tat-Trap

Wara r-riżultat pożittiv li kellhu fl-ISSF Wolrd Cup f’Doha f’Marzu li għadda, it-tiratur żgħażugħ Gianluca Chetcuti kellu esperjenza pożittiva għall-aħħar waqt il-European Games fil-Polonja.

Fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni, Chetcuti rnexxilu jikser rekord nazzjonali f’kompetizzjoni internazzjonali meta laqat 125 minn 125 plattina u spiċċa jaqsam l-ewwel post mat-tiratur mit-Turkija Nedim Tolga Tuncer.

Fil-finali, li kenet tikkonsisti minn 25 plattina b’tir wieħed, Chetcuti laqat 19-il plattina iżda sfortunatament kien eliminat meta spiċċa fil-ħames post.

Fil-kompetizzjoni tat-Trap tan-Nisa, Mikaela Galea laqtet 110 minn 125 plattina.

Fil-kompetizzjoni Skeet tal-Irġiel, Marlon Attard u Clive Farrugia it-tnejn spiċċaw bi skor ta’ 119/125.

Fis-Skeet Men Team Event, it-tim Malti magħmul minn Marcello Attard, Marlon Attard u Clive Farrugia kien plattina ‘l bogħod minn shoot-off fil-fażi finali. Huma spiċċaw bi skor ta’ 212/225.

Fil-kompetizzjonijiet Individwali kkompetew l-aqwa 30 tiratur Ewropew fil-mument.