Internazzjonali

Franza: Isir il-funeral taż-żgħażugħ maqtul mill-pulizija…fost stennija għal aktar irvellijiet matul il-lejl

Il-jiem u l-iljieli dominati bit-tensjoni fi Franza wasslu biex eluf kbar ta’ ċittadini jħossuhom fi stat ta’ assedju kontinwu  u meta kull siegħa li tgħaddi kapaċi tirriżulta fi vjolenza ġdida.

Dan wara l-iljieli ta’ irvellijiet karatterizzati minn mijiet tal-arresti, persuni midruba u ħsarat inkalkulabbli fil-bini u l-proprjetà.

Il-lejl tal-Ġimgħa kien ir-raba’ wieħed konsekuttiv ta’ vjolenza, bil-folol ikomplu jinfexxu r-rabja tagħhom għall-qtil, fil-bidu tal-ġimgħa, ta’ adolexxenti ta’ 17-il sena li kien qala tir mill-viċin mingħand uffiċjal tal-pulizija wara li hu ma obdiex direttiva biex jieqaf bil-karozza.

Sadanittant, sar il-funeral tal-vittma, li kien jismu Nahel, fost xeni ta’ emozzjoni kbira u waqt li komplew is-sejħiet biex l-irjus jibirdu u l-vjolenza tbatti. Dan meta l-poplu qed jiffaċċja żmenijiet inċerti u mill-aktar imprevedibbli,  bi Franza qed tbati l-akbar kriżi domestika għal 50 sena.

Il-funeral ta’ Nahel sar f’Nanterre, l-istess distrett ta’ Pariġi fejn seħħet l-isparatura li tefgħet lill-pajjiż f’ħuġġieġa ta’ vjolenza.

Il-familja ta’ Nahel kienu talbu biex il-funeral isir fil-privat, madankollu, folla kbira ta’ residenti ta’ Nanterre, flimkien mal-ħbieb tal-vittma, inġabru barra s-sala tal-funerali biex isellmu għall-aħħar darba lil żgħaħugħ li jiftakruh bħala persuna dħulija u dejjem kellu tbissima fuq wiċċu,

Il-funeral ta’ Nahel segwa r-ritwali tradizzjonali tal-Musulmani, biċ-ċerimonja funebri ssir fil-moskea ta’ Badis – u biż-żgħażugħ jindifen tard wara nofsinar. Dan ukoll meta l-membri tal-media inżammu ‘il bogħod mill-inħawi, bin-nies juruhom li l-preżenza tagħhom hemmhekk ma kenitx aċċettata.

Intant, il-folol tan-nies ta’ nisel Għarbi u Afrikan miġburin f’Nanterre għamlu dimostrazzjoni oħra ta’ solidarjetà mal-familja tal-vittma fost l-għajjat għall-‘ġustizzja ma’ Nahel’.

Il-funeral bl-ebda mod ma jfisser it-tmiem tal-kalvarju għar-residenti fl-ibliet il-kbar ta’ Franza u fost probabbiltà kbira ta’ aktar protesti vjolenti – bil-Gvern u l-Pulizija Franċiża (s’issa) ifallu milli jrażżnu din il-mewġa ta’ inkwiet u anarkija fit-toroq.

Matul il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt, il-pulizija ġħamlu aktar minn 1,300 arrest fid-diversi bnadi tal-pajjiż u fost aktar ġlied mal-folol li komplew jagħtu n-nar lill-vetturi waqt azzjonijiet ta’ vandaliżmu sfrenat.

Dan meta, flimkien mad-dimostrazzjonijiet, saru wkoll hekk-imsejħa ‘attivitajiet ta’ rabja’ fl-ibliet ta’ Marsilja, Lyon, Grenoble u Montpellier. Madwar 100 mill-arrestati fil-lejl tal-Ġimgħa seħħew f’Marsilja, bid-dimostranti jidħlu bil-forza f’ħanut li jbiegħ l-armi tan-nar – u bis-Sindku tal-belt jikkuntattja lill-Gvern tal-pajjiż biex jibgħatlu t-truppi addizzjonali ħalli jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Jidher ukoll li d-diskors, nhar il-Ġimgħa, tal-President Franċiż Emmanuel Macron, kompla jżid ir-rabja tal-Franċiżi, speċjalment wara li hu tenna li ‘il-ġenituri, aktar mill-Istat, għandhom ir-responsabbiltà li jaċċertaw li uliedhom ma jissieħbux fil-protesti’.

Madankollu qed jidher ċar ukoll li l-gruppi ta’ kriminali u estremisti qed jinfiltraw il-folol biex jixprunaw il-vjolenza u l-inkwiet u meta fl-aħħar jiem spikka s-serq mill-ħwienet vandalizzati f’Pariġi u bliet oħra.