“Il-klassi korrettiva tafas ħafna fuq l-aspett punittiv ta’ retribuzzjoni imma l-professjonisti jafsu ħafna fuq ir-rijabilitazzjoni. Dawn iż-żewġ kulturi imorru kontra xulxin.”
Hekk sostna l-eks avukat tal-ħabs, George Camilleri waqt li kien qiegħed jiġi intervistat minn Andrew Azzopardi fuq 103FM … hekk kif riċentament irriżenja mill-irwol tiegħu fil-ħabs u qabel dan il-perjodu, għadda 5 snin jaħdem bħala avukat fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-avukat George Camilleri qal li minkejja lir-rwol li kellu fil-ħabs, huwa ma seta’, taħt l-ebda ċirkostanza jagħti ordnijiet lill-gwardjani, lill-membri tal-klassi korrettiva jew lill-uffiċċju tar-rekords… u meta kien jagħti parir legali bil-miktub, kien jiġi injorat.
Ironikament, l-avukat Camilleri qal, li illum qiegħed jassisti raġel li jinsab il-ħabs mingħajr biljett tad-dħul. Huwa fakkar kif skont il-leġislazzjoni sussidjarja 260.03, l-ebda persuna ma tista’ tinżamm fil-ħabs mingħajr “it-ticket of admission” – iżda skont Camilleri dan il-persuna jinsab il-ħabs fuq sentenża fittizja jew zball amministrattiv tal-Qorti u sal-llum dan il-biljett għadu ma nstabx.
Matul iż-żmien tiegħu bħala uffiċjal legali prinċipali fil-ħabs, l-avukat George Camilleri nnota sens ta’ rieda tajba fi ħdan it-taqsima tal-kura u r-riintegrazzjoni minkejja l-ġlieda kontinwa għar-riżorsi umani.
Meta mistoqsi jekk qatt ġie mhedded, Camilleri wieġeb fil-pożittiv iżda minkejja r-rapport tiegħu qatt ma ttieħdu passi. Fl-intervista Camilleri ma kienx ċar jekk l-inċident seħħx fi żmien it-tmexxija ta’ Dalli, Brincau jew Siegersma.
Meta mistoqsi dwar it-tortura fil-ħabs, l-avukat qal li taħt it-tmexxija ta’ Brincau u Siegersma, ma kienet saret ebda tortura bl-għarfien tagħhom. Iżda min-naħa l-oħra, għalkemm m’hemmx provi konkreti … fi żmien Dalli, kien sema’ l-istess verżjoni ta’ tortura minn nies differenti.
L-avukat Camilleri sostna li filwaqt li kellu fiduċja fit-tmexxija ta’ Brincau, ma għandux fiduċja fil-mod ta’ kif qiegħed imexxi Siegersma. Dan għaliex id-direttur attwali tal-ħabs jagħżel li ma jwieġibx l-emails ta’ Camilleri u jevita milli jagħmel kuntatt dirett mal-priġunieri. Dan filwaqt li tenna li hu spiċċa biex irriżenja minn din il-kariga għaliex kellu struzzjonijiet biex jevita kuntatt mal-priġunieri.
//= $special ?>