Lokali

Għaddejja ġmielha l-Maratona tal-Volleyball fid-Dar tal-Providenza

Il-bierah ingħatat bidu t‑13‑il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball li qed issir b’risq id‑Dar tal‑Providenza. Mal-40 player, magħzula minn 83 persuna li applikat, iffurmaw ħames timijiet u bdew l‑isfida ta’ 53 siegħa volleyball bla waqfien – sfida li qed issir mhux għal gwadann personali imma biex jagħtu xi ħaġa lil ħaddieħor.

Fid-diskors tiegħu ta’ merħba, Fr Martin qal li l‑ispirtu altruwistiku tal‑players u tal‑għadd kbir ta’ volontiera jispirana biex inkunu dejjem iktar soċjetà li tagħti kas, soċjetà li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura, u soċjetà li tistma lil kulħadd indaqs.

Huwa sellem ukoll lill‑grupp ta’ atleti Sloveni li f’dawn it‑tlett ijiem se jieħdu sehem fid‑dixxiplina ta’ sitting volleyball li qed issir għall‑ewwel darba fid‑Dar tas‑Siġġiewi. Din l‑attività saret possibbli grazzi għal ParaVolley Malta u Birkirkara Volley Club.

Fr Martin tenna li hija x‑xewqa tad‑Dar tal‑Providenza li permezz ta’ attivitajiet bħal dawn inkomplu nwasslu l‑messaġġ li s‑soċjetà dejjem  trid tirrispetta lill‑persuni b’diżabilità, titrattahom bid‑dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l‑għażliet u l‑opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.

Bejn it‑8pm u 12am, f’dawn it‑tlett ijiem, players tal‑volleyball kif ukoll membri tal‑pubbliku ġew mistiedna jieħdu sehem fl‑attività tas‑sitting volleyball li hija miftuħa għall-irġiel u n-nisa, taħlita ta’ timijiet lokali waqt li l‑atleti kollha li jieħdu sehem jistgħu jkunu persuni b’diżabilità imma mhux bilfors.

Filgħaxija matul il‑maratona se jkun hemm varjetà minn numru sabiħ ta’ kantanti lokali li se jkunu qed ikantaw fuq il‑palk li se jittella’ apposta fil‑car park tad‑Dar.

Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in‑numri t’hawn taħt, juża BOV Mobile Banking jew PayPal u Revolut jew jagħti donazzjoni online fil‑kontijiet bankarji tad‑Dar.  Għal aktar informazzjoni dwar din l‑attività tistgħu żżuru s‑sit : www.sabihlitaghti.org

€10         5160 2011
€15         5170 2012
€25         5180 2013
€50         5190 2070
€100       5130 2044
Pledge Line: 2146 3686
BOV Mobile  7932 4834