Internazzjonali

Il-Brażil: L-eks President Bolsonaro għandu jikkuntesta verdett li fissru bħala ‘stallett fid-dahar’

L-avukati tal-eks President Brażiljan Jair Bolsonaro, beħsiebhom jappellaw kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Elettorali Suprema tal-Brażil biex l-istess Bolsonaro jinżamm milli jerġa’ jikkuntesta għall-Presidenza għat-tmien snin li jmiss.

Dan wara li Jair Bolsonaro, estremista tal-lemin, instab ħati dwar abbuż ta’ poter qabel l-elezzjoni Presidenzjali tas-sena l-oħra li ntrebħet mir-rivali kbir tax-xellug, Luiz Inacio Lula da Silva.

L-eks President Brażiljan kien akkużat dwar tfixkil għall-proċess demokratiku fil-Brażil wara li ħareġ stqarrija falza li l-voti elettroniċi użati waqt l-elezzjoni kienu vulnerabbli għall-fordi u attentati ta’ hacking. Iżda l-avukati ta’ Bolsonaro mistennija jibbażaw l-appell tagħhom fuq it-teorija li l-istqarrija tal-eks President ma influwenzatx ir-riżultat tal-elezzjoni.

Il-projbizzi dikjarata għal Bolsonaro hi valida mit-2 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra li kienet id-data għall-elezzjoni.

F’każ li l-verdett oriġinali jibqa’ validu, Jair Bolsonaro ma jkunx eliġibbli biex jikkuntesta l-elezzjoni Presidenzjali tal-2026 fil-Brażil iżda jkun jista’ jissieħeb mill-ġdid fil-proċess elettorali fl-2030. Dan meta hu jista’ ikun ukoll ipprojbit minn sehem fl-elezzjonijiet muniċipali li se jsiru fil-Brażil fl-2024 u l-2028.