Id-dinja fakkret Jum tal-Koperattivi, fejn jiġi ppremjat ix-xogħol siewi li l-koperattivi jwettqu tul is-sena kollha għall-komunità.
Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jaħdem favur is-settur tal-koperattivi u se ikun qed jaħdem sabiex il-liġijiet eżistenti jiġu aġġornati għaż-żminijiet u l-isfidi tal-lum.
Il-koperattivi f’pajjiżna għandhom rwol importanti u li għall-PN dan huwa settur li jista’ jitqies bħala pilastru għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista fil-ġranet li għaddew wettaq sensiela ta’ żjarat mal-koperattivi biex jifhem aħjar ix-xogħol li jwettqu u l-ħtiġijiet tagħhom.
Fl-aħħar jiem organizza wkoll Konferenza Nazzjonali b’diskussjoni dwar il-koperattivi.
Saru sahansitra żewġ żjarat fejn setgħu jaraw il-proġetti li qed isiru u b’hekk raw iktar minn qatt qabel kemm hu importanti li mmexxu ‘l quddiem il-mudell ekonomiku li jinkludi l-koperattivi.
Il-Kelliem għall-Koperattivi, Robert Cutajar tkellem ma’ Net News fejn spjega kemm il-koperattivi jagħmlu xogħol siewi tant li l-Partit Nazzjonalista jgħaraf dan u se jkun qed jaħdem favurihom.
Robert Cutajar f’isem il-Partit Nazzjonalista wassal ukoll il-messaġġ tiegħu waqt konferenza li saret propju f’dan il-jum fejn wiegħed li l-ħidma tal-Partit mhix se tieqaf hawn, anzi se jassigura li l-mudell ekonomiku bl-involviment tal-koperattivi jiġi mbuttat ‘il quddiem.
Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħmel il-parti tiegħu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin u jittama li l-Gvern ikun dispost li jaħdem mal-Oppożizzjoni sabiex flimkien ma’ dawk kollha involuti jfasslu t-triq ‘l quddiem fl-interess ta’ dan is-settur li minnu hemm l-għajxien ta’ mijiet ta’ familji Maltin u Għawdxin.