Internazzjonali

Ir-Russja: Jiċħdu dwar kumplott fil-Moldova wara l-isparatura fl-ajruport ta’ Chisinau

Il-Kremlin tar-Russja qed jiċħad kull allegazzjoni dwar sehem f’kumplott biex jiddistabbilizza lill-Moldova – wieħed mill-Istati ġirien ta’ Moska li tinsab esposta għall-effetti tal-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna.

Intant, hemm tensjoni ġdida fil-Moldova wara l-arrest ta’ raġel mit-Taġikistan li nhar il-Ġimgħa fetaħ in-nar fl-ajruport internazzjonali ta’ Chisinau bir-riżultat li nqatlu uffiċjal tas-sigurtà u gwardjan tal-fruntiera.

L-aggressur, qabel l-isparatura, kien twaqqaf milli jidħol il-Moldova wara li vvjaġġa għal hemm mit-Turkija. Fil-preżent, il-qawwiet kollha tas-sigurtà fil-Moldova jinsabu fuq allerta massima minħabba dan l-inċident rari li qajjem inkwiet kbir f’pajjiż b’aspirazzjonijiet li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Il-Moldova għandha popolazzjoni ta’ 2.6 miljuni u tinsab partikularment attenta għal dak kollu li qed iseħħ fi Transnistria — reġjun separatista fejn ir-residenti jappoġġjw lir-Russja u fejn hemm ukoll stazzjonati xi 1,500 suldat Russu.

Il-President tal-Moldova, Maia Sandu, din is-sena akkużat lir-Russja dwar kumplott kontra l-Gvern attwali f’Chisinau u fl-aħħar sigħat qalet li l-qawwiet tas-sigurtà fil-Moldova qegħdin jieħdu l-miżuri kollha biex is-sitwazzjoni fil-pajjiż tinġieb lura għan-normal. Dan meta qed ikomplu l-investigazzjonijiet dwar l-isparatura fl-ajruport li anki kaġunat l-evakwazzjoni ta’ numru kbir ta’ passiġġieri mit-terminal.