Lokali

L-Awtorità tal-Ippjanar u Norma Saliba stess jikkonfermaw dak żvelat – kienet impjegata tal-PBS meta għamlet is-servizz ta’ reklamar tal-Awtorità

Maqbuda fuq sieq waħda nhar il-Ħadd li għadda, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u Norma Saliba, il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services (PBS), l-ewwel inħakmu minn mumenti ta’ paniku u tensjoni b’għadd ta’ telefonati żejda bejniethom f’jum tal-Ħadd filgħodu u mbagħad, f’żewġ ammissjonijiet separati, ikkonfermaw id-dettalji tar-rapport żvelat minn Il-Mument.

Nhar il-Ħadd li għadda din il-gazzetta Il-Mument żvelat kif Norma Saliba qed tikser il-Kodiċi ta’ Etika Ġurnalisti mfassla għall-ġurnalisti tal-Public Broadcasting Services fis-sens li ma jistgħux jagħmlu servizzi ta’ reklamar lil terzi entitajiet kemm jekk governattivi u anki jekk mhumiex.

Minkejja dak li jgħid il-Kodiċi ta’ Etika għall-ġurnalisti tal-Public Broadcasting Services, fuq mezzi tax-xandir diversi qed jidher reklamar tal-Awtorità tal-Ippjanar bil-vuċi ta’ Norma Saliba. Dan ikkonfermatu kemm l-istess Awtorità tal-Ippjanar li kkonfermat ukoll li dan l-avviż bil-vuċi ta’ Norma Saliba nħadem fl-2018 u anki l-istess Norma Saliba li kkonfermat li kienet għamlet il-voice over ferm qabel ma saret Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services.

Imma għal darba oħra ejja nsegwu l-iżviluppi pass pass. Il-Ħadd li għadda Il-Mument żvelat din l-istorja tal-ksur tal-Etika Ġurnalistika lill-ġurnalisti kollha tal-Public Broadcasting Services. Dan wara li Norma Saliba dakinhar li saret il-protesta nazzjonali favur l-ambjent, iddeċidiet li tiċċensura sfaċċatament id-diskors ta’ Conrad Borg Manchè u ta’ Pawlu Buttigieg, is-Sindku tal-Gżira u tal-Qala rispettivament, li fid-diskorsi tagħhom dakinhar kienu kritiċi qawwija għal dak li qed tagħmel l-Awtorità tal-Ippjanar. Awtorità tal-Ippjanar li litteralment hi kompliċi fl-isfreġju ambjentali madwarna.

Bosta dakinhar staqsew imma għaliex minn tant diskorsi, il-Public Broadcasting Services kien iddeċieda li jtajjar u jelimina d-diskorsi ta’ Conrad Borg Manchè u Pawlu Buttigieg. Għaliex?

Fittex minn hawn, staqsi minn hemm u investiga b’kull mod possibbli finalment Il-Mument stabbilixxa fatt ferm importanti… ċioè li dakinhar tal-protesta nazzjonali favur l-ambjent xogħol fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services kien hemm Norma Saliba.

Norma Saliba li tagħmel il-voice overs ta’ reklamar tal-Awtorità tal-Ippjanar u ovvjament it-tonalità taż-żewġ Sindki fil-konfront tal-Awtorità tal-Ippjanar ma daqqitilha xejn… u s-soluzzjoni kienet għaliha waħda mill-aktar faċli… teliminahom għalkollox bħal qishom ma eżistew u saru.

Dwar dan kollu kien inqala’ polgrom sħiħ u kellha tkun Il-Mument tal-Ħadd li għadda li grazzi għall-investigazzjonijiet li għamilna żvelajna l-mottiv għaliex Norma Saliba tajret dawn iż-żewġ diskorsi.

Nhar il-Ħadd filgħodu paniku sħiħ għand Norma Saliba. Telefonati kontra telefonati. Pariri kontra pariri. Imbagħad kuntatti mal-Awtorità tal-Ippjanar biex ma torqodx fuq l-istorja veritiera maħruġa minn Il-Mument.

Grazzi għall-pressjoni fuq l-Awtorità tal-Ippjanar – telefonati fuq telefonati u Whats App fuq Whats App – l-istess Awtorità tal-Ippjanar ħarġet stqarrija xotta xotta mhux iffirmata. Għaliex ħadd ma ried jieħu ownership tagħha. Fiha nnifisha hi stqarrija verament tistogħna meta wieħed jifhem kif l-istess Awtorità tal-Ippjanar ma taqbiżx u ma toħroġx għonqha għall-impjegati tagħha… iżda għal Norma Saliba kienet sfurzata toħroġ stqarrija ta’ erba’ linji; stqarrija mhux iffirmata.

U f’din l-istqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar tgħid li:

“L-Awtorità trid tiċċara li r-reklam li qed jidher fuq xi stazzjonijiet tal-televiżjoni marbuta mal-iskedar u l-protezzjoni ta’ bini storiku f’Malta u li għandu l-voice over ta’ Norma Saliba kien ġie maħdum fl-2018. L-Awtorità qatt ma użat is-servizz ta’ Norma Saliba minn mindu saret Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS.”

Mela l-Awtorità tal-Ippjanar tat l-aktar ċertifikat lil Il-Mument li l-istorja żvelata kienet għalkollox veritiera. Ikkonfermat li Norma Saliba, il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Istazzjon Nazzjonali, kienet tat voice over għal reklamar lill-istess Awtorità tal-Ippjanar!

Ikkonfermat ukoll li dawn ir-reklami għadhom jinħarġu sal-ġurnata tal-lum minkejja li saru fl-2018!

Mela fi ftit kliem min kiteb l-istqarrija tal-Awtorità tal-Ippjanar kompla jgħaddas ’l isfel lill-istess Norma Saliba li mbagħad ħasset li kellha tirrikorri għall-midja soċjali biex tkompli togħdos aktar ’l isfel u kitbet:

“Dak li deher illum fuq Il-Mument huwa qarrieqi:

“Niċħad li qatt ksirt il-Kodiċi ta’ Etika tal-ġurnalisti tal-Public Broadcasting Services;

“Kemm ili Kap tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services f’dawn it-tliet snin qatt m’għamilt riklami u lanqas ma naċċetta li nagħmel xi xogħol ieħor bi ħlas mitlub minn terzi;

“Ir-riklam sar fl-2018, ferm qabel ma jiena nħtart Kap tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services u reġa’ ntuża dan l-aħħar mingħajr ma kont infurmata bih.

“Iktar kmieni llum, b’reazzjoni għall-istess artiklu, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet stqarrija biex tiċċara li r-riklam sar fl-2018 u li l-istess Awtorità qatt ma wżat is-servizzi tiegħi mindu sirt Kap tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services.

“Qed nikteb hawn biex jitnaddaf ismi minn allegazzjonijiet fiergħa li saru minn persuna li għandha l-intenzjoni biss biex tittappan ir-reputazzjoni tiegħi u jsir assassinju tal-karattru,” temm Norma Saliba.

Norma Saliba li ma qaltilniex li meta hi kienet għamlet il-voice over kienet diġà impjegata tal-Public Broadcasting Services u allura kienet taf ben tajjeb bil-Kodiċi ta’ Etika għall-ġurnalisti tal-istess Xandir Nazzjonali u li dawn m’għandhomx jagħmlu reklamar lil terzi governattivi jew privati!

Insomma tgħaffiġa sħiħa minn Norma Saliba u l-Awtorità tal-Ippjanar b’tal-aħħar kostretta tipprova tiddefendi lill-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet, iżda minflok bil-mod kif inkitbet l-istqarrija mhux iffirmata, kompliet tgħakkes lill-istess Norma Saliba li b’effett mill-1 ta’ Settembru tal-2017 bdiet tassumi r-responsabbiltajiet tagħha bħala Junior Manager tal-Istazzjon Nazzjonali u sa Lulju tal-2019 kienet għadha tokkupa l-kariga ta’ Manager responsabbli mis-sit elettroniku!

Norma Saliba ma baqgħet tirrapporta fil-Kamra tal-Aħbarijiet meta lill-Eks Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet Reno Bugeja kienu ġeddewlu sena oħra fir-rwol tiegħu u hi kienet marret secondment mal-uffiċċju tal-President ta’ malta sakemm Reno Bugeja kien irtira mix-Xandir Nazzjonali f’Lulju tal-2020 u mbagħad reġgħet bdiet fil-Public Broadcasting Services mill-1 ta’ Awwissu tal-2020 iżda bħala Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet!

Qed ngħidu dawn il-fatti kollha biex nuru lill-istess Norma Saliba u lill-Awtorità tal-Ippjanar li l-fatti żvelat l-Ħadd li għadda huma korretti mija fil-mija… wara kollox kif kondiviżi minnhom il-Ħadd stess!

Għax fiha nnifisha l-istess stqarrija għall-istampa turi wkoll il-faqar tal-istess Awtorità tal-Ippjanar li jekk fl-2018 tiddeċiedi li tagħmel reklam… ma terġax tużah illum ħames snin wara! Dan jissejjaħ biss dilettantiżmu fl-aqwa tiegħu!

Mhux biss, jekk fl-2018 tiddeċiedi l-Awtorità tal-Ippjanar tiddeċiedi li tuża leħen ta’ ġurnalisti tal-Public Broadcasting Services għal reklam… allura issa li dak ir-reklam qed jerġa’ jintuża min ta l-voice over ma jkunx infurmat!

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li jekk xejn l-istorja tal-Ħadd li għadda kkonfermat x’faqar għandu dan il-pajjiż bl-Istazzjon Nazzjonali u b’awtoritajiet bħall-Awtorità għall-Ippjanar. Dilettantiżmu fl-aqwa tiegħu. Għaliex anki jekk wieħed janalizza sew l-istqarrija tal-Awtorità tal-Ippjanar u l-ktiba ta’ Norma Saliba jsib faqar ta’ ħsieb!

Imma għal-lum ejjew nieqfu ftit hawn għax il-materjal li kompla jidħol fil-jiem li għaddew dwar Norma Saliba… fosthom ħasla mingħand iċ-Chairman 48 siegħa biss qabel kien pubblikat l-artiklu tal-Ħadd li għadda u bikja papali fil-kurriduri tal-Public Broadcasting Services; kif hi qed tkompli timmina ordnijiet tal-istess Chairman tal-Public Broadcasting Services; u kif hi iżda ma tiddejjaq xejn tagħti l-ħasliet lil xi ġurnalista ġdida… huma tassew interessanti u eċċitanti, iżda għal skop ta’ korrezzjoni tajjeb li jkunu edittjat, ivverifikat, mistħarrġa u investigati. Imma aktar fil-Ħdud li ġejjin.