Lokali

Pajjiżna għad irid japprezza aktar il-wirt u l-legat politiku ta’ ħidmet Lawrence Gonzi

Kitba ta' David Casa ppubblikata f'In-Nazzjon

Illum is-Sibt, Lawrence Gonzi għalaq l-età sabiħa ta’ 70 sena. Anke jekk illum Gonzi m’għadux attiv direttament fil-politika, il-kontribut u l-ħidma tiegħu għal pajjiżna, partikolarment fiż-żmien li serva bħala Prim Ministru ta’ Malta, tibqa’ tiġi apprezzata bil-kbir.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-poplu Malti u Għawdxi qed ikompli jifhem u jagħti valur imprezzabbli lejn l-onestà politika li l-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista mexa biha f’kull rwol u responsabiltà li kienet fdata lilu tul il-karriera politika tiegħu. Għal tant snin, jien kelli l-opportunità u l-privileġġ li naħdem ma’ Gonzi mhux biss meta kien fl-ogħla karigi politiċi, iżda anke meta ħadem direttament f’oqsma ta’ interess, fosthom il-Politika Soċjali.

Dan hu qasam, speċjalment fejn jidħlu l-għajnuna u kontribut tal-Istat lejn persuni bi bżonnijiet speċjali, li tant hu għal qalb Gonzi u li l-avvanzi kbar li Malta għamlet f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin, hu primarjament dovut għall-viżjoni politika li minn dejjem kellu hu għal dan is-settur.

Ħidmet Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru

Fid-disa’ snin li Gonzi għamel bħala Prim Ministru ta’ Malta; perjodu li kien mifrux fuq żewġ legiżlaturi, pajjiżna wettaq bidliet kbar li bil-probabbiltà kollha llum ma napprezzawhomx biżżejjed sforz il-propaganda qarrieqa u maħmuġa li minn dejjem kien kapaċi jagħmel il-Partit Laburista, partikolarment minn kemm ilu li daħal fix-xena Joseph Muscat u ta’ madwaru.

Ibda biex, Gonzi kien is-suċċessur ta’ Eddie Fenech Adami u għal kwalunkwe persuna oħra fil-politika, hi min hi, din kienet se tkun missjoni diffiċli għaliex bħal f’kollox il-poplu dejjem se jkun qed jipparaguna persuna m’oħra.

Fenech Adami jibqa’ mniżżel b’ittri tad-deheb fit-tragwardi storiċi li pajjiżna rnexxielu jikseb, fosthom id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u r-riformi mill-aktar importanti li kien kapaċi jagħmel wara żminijiet koroh għal Malta.

Minkejja dan, b’Gonzi fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u ta’ pajjiżna, hu kien kapaċi jiddistingwi ruħu bl-aktar mod eżemplari u kkontribwixxa bil-mod tiegħu lejn suċċessi kbar u li sfortunatament ma nagħtuhomx biżżejjed valur u importanza.

Madankollu ninsab ċert li maż-żmien, dak li għamel Gonzi u n-nies li kienu fdati minnu f’oqsma differenti, se jkun qed iwassal għal ġustizzja u apprezzament politiku fl-istorja politika ta’ pajjiżna.

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea

Gonzi għen u kien katalista indispensabbli biex Malta tibda tagħmel suċċess mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea istantanjament. Din waħedha diġà kienet diffiċli biex isseħħ, iżda sforz il-konvinzjoni politika tiegħu, hu kien kapaċi jagħti direzzjoni politika ċara u b’saħħitha lil Malta, u sa mill-ewwel jiem ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, konna kapaċi naħsdu l-frott tad-deċiżjoni politika li l-elettorat kien ħa fl-2003.

It-terminu tiegħu bħala Prim Ministru kien wieħed diffiċli, mhux għaliex kien imtappan bil-korruzzjoni bħalma għamlu ta’ warajh, iżda għaliex hu għażel l-aktar triq diffiċli, cioè dik tas-sewwa. Gonzi mexxa lil Malta meta kellna riċessjoni internazzjonali li laqtet lid-dinja. Id-deċiżjonijiet li hu għażel li jieħu b’kuraġġ u determinazzjoni żammew lil Malta milli tegħreq fuq livell ekonomiku, filwaqt li salva l-impjiegi ta’ tant eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.

L-aħħar snin tiegħu fit-tmexxija ta’ Malta jfakkruna wkoll fl-inkwiet politiku li kien hemm fil-Libja, pajjiż tant qrib tagħna fuq livell ġeografiku. Dakinhar, fost l-oħrajn, wieħed seta’ jammira l-eleganza ta’ Gonzi fit-tmexxija u fil-mod ta’ kif ħa d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess ta’ pajjiżna u tal-bqija tal-pajjiżi Ewropej.

Gonzi żamm mal-prinċipji tiegħu

F’mument ta’ tensjoni politika, Gonzi żamm mal-prinċipji tiegħu. Ma kienx ċeda għall-pressjoni tar-reġim ta’ Gaddafi biex jirritorna ż-żewġ Mirages. Hu kien għamel dan minkejja theddid u saħansitra ordna li ajruplan li kien intqal li kien tal-passiġġieri ma tħalliex jinżel f’pajjiżna għax irriżulta li abbord kien hemm Libjani ġejjin biex jaħtfu l-Mirages u jtajruhom lura.

Dan kien Lawrence Gonzi, u dan hu Lawrence Gonzi. Persuna ta’ fibra kbira li tul il-karriera politika tiegħu ħadem biss favur dak li hu ġust u sewwa. Għal ħafna Gonzi jitqies bħala persuna li ħareġ mill-isfera politika b’telfa elettorali, iżda llum nafu li l-mod ta’ kif tilef l-elezzjoni ġenerali tal-2013 kien wieħed ibbażat fuq qerq u kampanja sistematika mimlija gideb u wegħdi mibnija fis-sħab.

Inkompli nitgħallem minnu

Kburi li sal-lum għadni naqsam ħafna mill-ideat u l-viżjoni politika tiegħi miegħu fir-rwol ta’ Membru Parlamentari Ewropew u nħares ’il quddiem li bl-esperjenza u l-perseveranza tiegħu, inkompli nitgħallem mingħand wieħed mill-aqwa politiċi li qatt kellna f’pajjiżna.