Eżaminatur tat-testijiet tal-prattika tas-sewqan fi ħdan Transport Malta żvela fil-Qorti kif ripetutament kien ippressat minn ta’ fuqu sabiex lil ċertu kandidati privileggati jagħtihom “test aktar faċli” minn oħrajn. Dan sabiex jiżgura li jgħaddu mit-test tas-sewqan.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, xehed Duncan Azzopardi – wieħed mill-eżaminaturi ta’ Transport Malta fejn saħaq li uħud minn dawn il-kandidati magħżula tant kienu ħżiena fis-sewqan li l-eżaminatur – kien ikollu jsuq lura lejn il-bażi peress li kienu “ta’ perikolu għall-pubbliku”.
Azzopardi kien qed jixhed dwar l-istruzzjonijiet li rċieva b’mod regolari, mingħand l-eks direttur tiegħu Clint Mansueto li bħalissa qed jiffaċċja akkużi kriminali dwar l-allegat involviment tiegħu f’racket tat-testijiet tas-sewqan.
Fix-xhieda tiegħu, Duncan Azzopardi insista li meta l-kandidati magħżula kienu jeħlu mit-test, Mansueto “ma kienx ikun kuntent.”
Mistoqsi jekk Mansueto kien jagħtix raġuni partikolari biex jgħin lil ċertu kandidati speċifiċi fit-test tas-sewqan, Azzopardi qal li kien jgħid “għax mill-ministeru”.
Meta l-prosekuzzjoni staqsietu liema Ministeru? Azzopardi qal li ma jafx.
Id-direttur tad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art fi ħdan Transport Malta Clint Mansueto ta’ 40 sena flimkien ma’ Raul Antonio Pace ta’ 35 sena u l-eks Kunsillier Laburista fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ Philip Edrick Zammit ta’ 23 sena huwa fost tliet uffiċjali ta’ Transport Malta akkużati li wettqu ‘racket’ ta’ korruzzjoni f’test tas-sewqan fl-awtorità tat-trasport. Iżda t-tlieta l’huma qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Huma implikaw ukoll Ministru tal-Gvern li iżda ma ssemmiex b’ismu.
Fil-Qorti xehed ukoll uffiċjal ieħor ta’ TM Alan Borg – fejn ippreżenta lista sħiħa ta’ ismijiet li ġew megħjuna fit-test tas-sewqan fil-perjodu bejn l-2020 u l-2021.
Il-prosekuzzjoni qiegħdha titmexxa mill-avukat Abigail Caruana Vella u l-Ispettur Wayne Borg.
L-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri qegħdin jidhru għal Clint Mansueto.
Għal Raul Antonio Pace qiegħed jidher l-avukat Joe Giglio, filwaqt li l-avukat Herman Mula qiegħed jidher għal Philip Edrick Zammit.
//= $special ?>