L-għada tas-suċċess miksub minn Ryan Farrugia fit-tellieqa Spartan Ultra Morzine fi Franza, Net Sports tkellem ma’ Farrugia dwar it-tellieqa li ħa sehem fiha, il-preparazzjoni u d-diffikultajiet li sab matulha.
F’tellieqa Obstacle Course ta’ aktar minn 50 kilometru fil-muntanji diffiċli ta’ Morzine fi Franza, il-Malti Ryan Farrugia kiseb riżultat impekkabli għalih u għal pajjiżna, meta f’ħin ta’ 7:10:44 spiċċa fit-tielet post fil-kategorija Elite.
Din it-tellieqa, li hi meqjusa fost l-aktar diffiċli minn tat-tip tagħha, tirrikjedi xhur ta’ taħriġ intensiv kemm fiżiku kif ukoll dak mentali.
Spjegalna ftit fiex tikkonsisti din it-tiġrija ta’ aktar minn 50 kilometru.
”It-tiġrija li għamilt jien hija Spartan Morzine Ultra, tiġrija magħrufa bħala l-aktar diffiċli u brutali fuq iċ- ċircwit kollu ta’ Spartan Races. Il-muntanji tal-madwar u r-rotta jagħmluha diffiċli saħanstira biex tiġriha, aħseb u ara b’60 ostaklu matul ir-rotta. Ir-rotta kellha xejn inqas minn 3,500 metru ta’ elevation fuq alpine terrain, b’maximum elevation ta’ 2,000 metru. Il-medja tal-ħin li titlesta t-tiġrija hi ta’ 10-14-il siegħa, iżda l-atleti professjonali tal-kategorija Elite kapaċi jagħamluha f’inqas minn 8 siegħat”
Kemm kien hemm parteċipanti fil-kategorija Elite?
”Fit-tiġrija Ultra, li ħadt sehem fiha jien, kien hemm 400 parteċipant, 200 open u 200 competitive. Spartan Morzine rat total ta’ 5,000 parteċipant imqassmin fuq ħames tlielaq ta’ distanzi differenti; Spartan Ultra 52km, Spartan Beast 22km, Spartan Super 12km, Spartan Sprint 6km kif ukoll Spartan Kids, tellieqa magħmulha apposta għal tfal li qed jgħamlu l-ewwel passi tagħhom f’dan l-isport”
X’diffikultajiet sibt matul it-tellieqa?
”Tiġrija bl-ostakli hija diġa diffiċli minnha nnfisha, irrelevanti d-distanza, speċjalment 52 kilometru fil-muntanji. Fil-każ tal-Morzine Ultra, bla dubju l-aktar element diffiċli kienet l-art fil-muntanji u l-elevation gain. It-tlajja u l-inżul kienu wieqfin immens. L-aktar ostakli li sibt diiffċli kienu l-carries, waħda minnhom partikolari hija chain carry, katina ta’ madwar 40 kilo għal madwar nofs kilometru għat-tela’. Il-carries l-oħrajn ukoll kienu brutali, wieħed minnhom kien jinvolvi li taqsam xmara bl-għawm b’zokk ta’ siġra ta’ madwar 30 kilo, kif taqsam ix-xmara trid iġġor iz-zokk fuq dahrek madwar ix-xmara. Minħabba x-xita li għamlet ġurnata qabel, kemm l-obstacles kif ukoll l-art kienu jiżolqu mmens, speċjalment fl-inżul”
Kemm kont ilek titħarreġ għal din l-isfida?
Dan ir-riżultat huwa frott ta’ snin ta’ taħrig. Biex tikseb riżultat ta’ dan il-livell, trid tkun ilek iġġib esperjenza u tħejji ruħek għal bosta snin. Din is-sena għażilt tiġrijiet oħra simili għal din biex niprepara għal li kont se nsib f’Morzine, pereżempju f’Mejju li għadda ppartċipajt fil-Gozo Ultra 50k fejn irbaħt it- tiġrija għat-tielet darba fil-karriera tiegħi. Ix-xahar li għadda pparteċiptajt fil-Mountain Running World Championships f’isem it-tim nazzjoniali Malti f’tigrija ta’ 45km bi 3,500m elevation. Apparti dan, din kienet l-10 Spartan Race personali, u t-tielet waħda fil-kategorija Elite.
Xi jmiss issa għal Ryan Farrugia?
”Bhalissa ninsab determinat aktar minn qatt qabel biex nibqa’ niffoka fuq il-ħajja ta’ atleta professjonali. Is-sena l-oħra saħansitra waqaft minn xogħli fl-uffiċju biex nieħu l-isport aktar bis-serjetà, u l-pjanijiet li għandi huma kbar. Nixtieq inġib riżultati akbar fuq livell internazjonali, kemm għalija personali kif ukoll għal Malta. It-tiġrija li jmiss hija l-Fletta Trail fl-Italja, fejn f’isem it-tim nazzjonali ġejna mistiedna nipparteċipaw f’din it-tellieqa li tara atleti ta’ livell għoli. Wara s-sajf, ikun imiss li nieħu sehem fil-Cappadocia Ultra Trail 63km, u l maratona ta Valencia 42k”
Kemm taħseb li dan l-isport qed jingħata importanza f’pajjiżna?
”Fuq livell ta’ atleta, nista ngħid li m’hemm ebda forma ta’ rikonoxximent mill-awtoritajiet. It-tiġrijiet li nipparteċipa fihom, xi drabi wkoll b’riżultati li jagħmlu gieħ lil pajjiżna bħal Spartan Ultra Morzine, huma kollha spejjeż għalija. Il-fatt li Spartan Malta ha terġa ssir f’2024, u Grid jidher li qed tigi appoġġjata minn Visit Malta, jawgura tajjeb biex ‘il quddiem dan l-isport fl-aħħar ikun rikonoxxut mill-awtoritajiet”


