Adam Yates għeleb lil ħuħ it-tewmi Simon biex rebaħ l-ewwel stadju tat-Tour de France.
L-aħwa Yates skappaw minn mal-grupp ta’ quddiem meta kien jonqos madwar seba’ kilometri għat-tmiem u waslu weħidhom fl-aħħar metri fejn Adam għeleb lil ħuħ fl-isprint biex b’hekk kiseb l-ewwel flokk isfar tat-Tour ta’ din is-sena.
Il-favoriti l-kbar ta’ dan it-Tour Tadej Pogacar u Jonas Ningegaard, li mistennija jagħtu sfida kbira lil xulxin għar-rebħa finali, daħlu ftit wara flimkien mal-kumplament tal-grupp ta’ quddiem.
It-Tour beda minn Bilbao fir-reġjun Bask ta’ Spanja u l-korsa ddum tliet ġimgħat. Adam kien għadu qatt ma rebaħ tappa fit-tliet tlielaq prinċipali, voldieri t-Tour, il-Giro d’Italia u l-Vuelta, anki jekk tliet snin ilu kien libes il-flokk l-isfar ta’ leader tat-Tour.
Simon Yates minn naħa tiegħu kien rebaħ il-Vuelta ta’ Spanja ħames snin ilu. It-Tour ta’ din is-sena qed isir fi sfond ta’ nkwiet u rvellijiet fi Franza, speċjalment fil-kapitali Pariġi, wara li l-pulizija sparaw u qatlu żagħżugħ ta’ 18-il sena.
It-tieni tappa tal-lum tkun bejn Vitoria-Gasteiz u San Sebastian dejjem fir-reġjun Bask fi Spanja u fit-tappa ta’ għada it-Tour jidħol fit-territorju Franċiż.
//= $special ?>