Lokali

Finlandiż fil-periklu tal-mewt wara hit and run fl-Imrieħel

Finlandiż ta’ 41 sena qiegħed jissielet għal ħajtu wara li spiċċa vittma ta’ hit and run fl-Imrieħel, Birkirkara.

Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar neqsin kwart tal-Ħadd filgħodu fi Triq l-Imdina, meta għal xi raġuni l-barrani, li dak il-ħin kien qiegħed isuq e-kick scooter, intlaqat minn vettura li baqgħet sejra minn fuq il-post.

Fil-pront ġie msejjaħ tim mediku tal-ambulanzi li taw l-ewwel għajnuna lil Finlandiż u ħaduh l-Isptar Mater Dei għal aktar kura fejn aktar tard ġie iċċertifikat li ġarrab ġrieħi serji.

Filwaqt li l-Maġistrat Nadine Lia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet – bit-tfittxija tal-vettura u s-sewwieq – hija qed tħeġġeġ lil kull min għandu xi infromazzjoni dwar il-każ sabiex javviċinaha anke b’mod anonimu.