Il-Pulizija fil-belt ta’ Marsilja fil-lejl tas-Sibt kienu involuti f’diversi battalji mal-gruppi tad-dimostranti u li damu għaddejjin sas-sigħat bikrin tal-Ħadd – bir-riżultat li saru bejn 600 u 700 arresti.
Il-pulizija għal kontra l-irvellijiet spiċċaw jiġġieldu kontinwament ma’ gruppi taż-żgħażagħ ‘megħjuna minn estremisti’ fil-qalba ta’ Marsilja u kellhom jisparaw il-gass tad-dmugħ fuq il-folol. Jidher li l-agħar battalji bejn il-pulizija u ż-żgħażagħ aggressivi nzertaw fit-triq ewlenija ta’ La Canebiere fiċ-ċentru tal-belt u sakemm is-sitwazzjoni nġiebet taħt kontroll.
Dan kien il-ħames lejl konsekuttiv ta’ protesti vjolenti wara li uffiċjal tal-Pulizija kien spara mill-viċin fuq żgħażugħ f’Nanterre, distrett ta’ Pariġi, u qatlu. Għalkemm jidher li l-vittma ma obdiex direttiva biex jieqaf bil-karozza, il-poplu f’Pariġi u bliet Franċiżi oħra irvellaw kontra l-pulizija fost akkużi dwar każ ta’ qtil arbitrarju…Każ li seta’ kellu anki element ta’ razziżmu permess li ż-żgħażugħ – Nahel M ta’ 17-il sena – kien ta’ nisel Alġerin.
Iżda waqt li reġa’ kien hemm il-ġlied u vandaliżmu intensiv f’Marsilja, Pariġi u bnadi oħra ta’ Franza, il-Ministru tal-Intern Franċiż Gerald Darmanin qal li l-pulizija rnexxielha trażżan ħafna mill-inċidenti waqt li faħħarhom għall-impenji biex iżommu l-ordni waqt lejl ieħor diffiċli.
Fl-aħħar sigħat żdiedu t-tamiet li l-mewġa tal-vjolenza madwar Franza tista’ qed tbatti xi ftit u li l-irjus ma jdumux biex jikkalmaw wara l-aktar ġimgħa ta’ taqlib domestiku fil-pajjiż minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, wieħed irid jistenna u jara jekk l-agħar tal-kriżi għaddiex tassew — bil-jiem u l-iljieli li ġejjin għandhom iservu bħala ‘barometru’ tas-sitwazzjoni.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet sostnew li talanqas 600 karozza u talanqas 80 bini ngħataw in-nar waqt l-aħħar lejl tal-inċidenti madwar Franza.
Madankollu, is-sitwazzjoni kienet ħafna aktar kwieta fiz-zona ta’ Champs-Elysees, f’Pariġi, fejn l-istakkamenti kbar tal-pulizija jidhru li qatgħu qalb id-dimostranti li kienu qed jippjanaw biex jinġabru hemmhekk bħala folla.
Fl-istess ħin, mifhum li f’Pariġi seħħew xorta ‘il fuq minn 200 arresti, bil-Gvern Franċiż mill-ġdid jikkundanna l-vjolenza waqt li stqarr li l-gruppi ta’ kriminali li infiltraw il-folol tad-dimostranti ħadu l-okkażjoni biex jisfruttaw il-mewta ‘sfortunata’ ta’ Nahel bħala ġustifikazzjoni għall-vjolenza.
//= $special ?>