Lokali

Is-sidien tal-‘campers’ isemmgħu leħinhom dwar l-Avviż Legali li daħal fis-seħħ mill-bieraħ

Skont numru ta’ sidien tal-campers li l-Ħadd filgħodu nġabru sabiex isemmgħu leħinhom kontra l-Avviż Legali li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju… b’ dak il qed jipproponi l-Gvern… id-delizzju tagħhom ma jistgħux jibqgħu jgawduh kif kienu jagħmlu qabel.

Dawn is-sidien qed jitolbu lil-Gvern sabiex tiġi sospiża din il-liġi. B’oħrajn isostnu li huma diġà jħallsu liċenzja iktar għolja minn vetturi  oħra, filwaqt li oħrajn qalu li d-‘designated sites’ kellhom jibdew joperaw qabel ma daħlet fis-seħħ din il-liġi.  

Skont l-Avviż Legali li daħal fis-seħħ mil-1 ta’ Lulju, kull min ipoġġi b’mod temporanju l-caravan jew camper tiegħu, se jkun jista’ jagħmel dan biss wara li joħroġ permess mill-Kunsill Lokali bi ħlas ta’ ħames ewro għal kull jum. Apparti dan se jkunu hemm siti speċifiċi għall-camping, imsejħa ‘designated sites’ fejn wieħed ikun jista’ jmur bil-caravan jew camper tiegħu u jkollu aċċess għal dawl u ilma. Iżda f’dawn is-siti, il-ħlas se jkun ta’ għaxar ewro kull ġurnata. Bid-dħul kollu se jmur għall-Kunsilli Lokali.

Dan kollu jfisser li issa huma l-Kunsilli Lokali li se jiddeċiedu jekk jinħariġx permess sabiex wieħed ikun jista’ jokkupa spazju pubbliku permezz tal-caravan jew il-camper tiegħu. 

S’issa jidher li hemm żewġ siti identifikati bħala designated sites, f’Baħar iċ-Ċagħaq u l-Qortin it-Twil il-Mellieħa. F’Għawdex m’hemm ebda sit identifikat. Aktar tard, huwa pjanat li jkun hemm tnejn oħra lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.

Sabiex wieħed jinħarġlu permess irid japplika online mal-Kunsill Lokali sa 48 siegħa qabel… bil-permess għal designates sites se jkun qed joħroġ għal massimu ta sebat ijiem, u tliet ijiem għal żoni oħra… li mbagħad ikun jistgħu jiġu mġedda skont kif deċiż mill-Kunsilli Lokali.

Min jipparkja l-camper jew caravan qrib id-dar tiegħu, mhux se jkollu bżonn ta’ permess dment li dan ma jintużax.

Dawk il-persuni kollha li ma jimxux ma’ dawn ir-regolamenti ġodda, jistgħu jeħlu kontravenzjoni ta’ bejn 100 ewro u 500 ewro u ħlas ta’ 50 ewro addizzjoni għal kull jum li fih l-kontravenzjoni tippersisti.